Fid-Dar tal-Providenza llum hemm atmosfera differenti minn ta’ Sibtijiet oħra, hekk kif qed tiddomina l-għaqda ta’ numru ta’ studenti u għalliema li b’mod volontarju, qed iqattgħu l-jum jgħinu f’dak kollu li hemm bżonn fid-Dar.
Inqasmu fi tliet timijiet: min qed jiknes u jaħsel il-ġonna u btieħi, min qed jgħin f’xogħol t’uffiċċju u min qed jaħsel il-vannijiet tal-istess Dar. Dan f’attività organizzata mill-Kumitat t’Attivitajiet Soċjali Korporattiv fi ħdan l-ITS.
Żar id-Dar tal-Providenza l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li fil-messaġġ tiegħu ħeġġeġ entitajiet oħra biex jimxu fuq dawn il-passi u wkoll jgħinu lil ħaddieħor għal kawża ġusta. Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech, preżentaw donazzjoni ta’ kważi €900 lid-Direttur tad-Dar Fr. Martin Micallef.
Somma li nġabret mill-impjegati tal-Ministeru għat-Turiżmu u permess ta’ fondi li nġabru minn bejgħ ta’ prodotti tal-ikel li tħejjew bl-għajnuna tal-istess studenti u mpjegati tal-ITS fl-aħħar xhur.