Sab ktieb fit-triq, fetħu bi ftit kurżità, u sab dedika fih.
Din hija fil-qosor l-istorja ta’ Alessandro Galliano, żagħżugħ minn Cosseria li jgħix Malta minħabba x-xogħol. Iddeċieda li jtella’ nota fuq Faceook:
“Sibt dan il-ktieb nhar l-24 ta’ Settembru fuq bankina quddiem l-ajrport internazzjonali ta’ Malta, sakemm kont qed nistenna lill-ommi u lil ħija. Tfajtu fil-bakset u nsejtu kompletament. Ftit tal-jiem ilu, kważi b’kumbinazzjoni, il-ktieb reġa’ ġie f’idi. Iddeċidejt nuża Facebook forsi nsib ta’ min hu”.
Hemm kitba mill-isbaħ ġewwa, skont kif jiddeskrivi Alessandro, li xi ħadd kiteb lil oħtu. Min hu iffirma S.V., fil-ktieb bl-isem “Il Maestro e Margherita”.
Il-ktieb huwa bit-Taljan, allura t-Taljani qed jgħinu lil Alessandro billi jxerrdu l-istorja fuq Facebook. Saħansitra sabet ruħha fl-aħbarijiet Taljani.
“Fil-ħajja wieħed ipartat jew jisraq ħafna kotba, imma s-soltu l-ktieb jagħżel lilek u mhux viċe versa” – din hija silta mid-dedika sabiħa li hemm fil-ktieb…silta li tassew hija sinnifikanti f’dan il-kuntest.
Min jaf, forsi share tal-istorja mill-Maltin tgħin ukoll, wara kollox il-ktieb instab hawn Malta…