Mhuwiex aċċettabbli għall-Gvern li l-anzjani jgħixu f’postijiet mhux dinjitużi.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Ministru għall-Anzjanità Attivita, Jo Etienne Abela, f’diskors fil-Parlament illejla. Huwa kien qed jitkellem dwar il-proġett entensiv fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla, li jeħtieġ li jsirilha rinnovar mill-qiegħ.
Huwa saħaq li mhuwiex aċċettabbli li fuq naħa tal-port l-anzjani qed jgħixu f’kundizzjonijiet mill-aqwa daqs 5 star hotel, waqt li anzjani fuq in-naħa l-oħra tal-port qed jgħixu ġo hostel – dan mhux aċċettabbli għall-Gvern.
Il-Ministru Abela sostna li l-anzjani ħaqqhom jgħixu f’mod dinjituż u bi standards mill-aqwa.
Il-Ministru Jo Etienne Abela tqal li fl-aħħar snin sar ħafna investiment f’din id-dar, fosthom dak fl-arja kkundizzjonata, lift, u tranġar ta’ twieqi.
Sostna wkoll li kien hemm rapporti minn periti li jikkundannaw il-kundizzjoni ta’ din id-dar tal-anzjani u din l-azzjoni qed tittieħed bħala prekawżjoni – biex ma jkun hemm l-ebda inċident f’din id-dar.
Il-Ministru qal li l-Gvern mhuwiex kuntent bl-istatus quo u jrid itejjeb l-affarijiet fid-dar tal-anzjani f’Bormla, fejn se jkun qed isir proġett entensiv, bil-għan li din id-dar tkun konformi mal-istandards dinjitużi u għoljin li l-Gvern qed jesiġi għad-djar tal-anzjani f’pajjiżna.
L-għan ta’ dan il-proġett għandu jwassal biex l-infrastruttura qadima tinbidel f’waħda moderna u tal-ogħla livell, hekk kif f’din id-dar se tkun qed tinqala mill-qiegħ.
Il-Ministru spjega li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex dawn l-anzjani jibqgħu jgħixu fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
Huwa ċaħad xnihat li qed isiru, li din id-dar se tinbidel f’lukanda. Ta garanzija wkoll li l-ebda ħaddiem mhu se jitlef xogħlu.