“L-Att dwar il-Bastimenti Merkantili kien kruċjali biex pajjiżna jikseb ir-reputazzjoni b’saħħitha li għandu fil-qasam marittimu,” stqarr il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt simpożju organizzat minn Transport Malta, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, il-Malta Maritime Law Association u l-Malta International Shipowners Association.
L-Att dwar il-Bastimenti Merkantili jirregola r-reġistrazzjoni tal-vapuri u l-baħħara taħt il-bandiera Maltija u permezz tiegħu Malta evolviet f’ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam marittimu.
Il-Malta Shipping Symposium, bit-tema “Yesterday, Today and Tomorrow”, ġabar flimkien numru ta’ esperti tal-industrija, policymakers , professjonisti legali, u partijiet interessati fis-settur marittimu biex iħarsu lura lejn l-aħħar 50 sena u flimkien ikomplu jwittu t-triq ‘il quddiem għal pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam marittimu. Bi storja rikka u futur promettenti, Malta saret mekka globali għat-tbaħħir u s-servizzi marittimi. Dan is-simpożju pprovda pjattaforma għal diskussjonijiet, opportunitajiet ta’ networking, u skambju ta’ għarfien u l-aħjar prattiċi.
Waqt is-simpożju, il-Ministru Aaron Farrugia faħħar id-djalogu b’saħħtu bejn l-istakeholders tal-industrija u r-regolatur. Il-Ministru ħabbar ukoll investiment qawwi fit-trasformazzjoni diġitali tal-operat tar-Reġistru tal-Bastimenti ta’ Malta. Min-naħa tiegħu, r-Reġistratur Ewlieni tal-Bastimenti Ivan Sammut irringrazzja lill-istakeholders kollha f’din l-industrija tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-Reġistru tal-Bastimenti Malti tul dawn l-aħħar 50 sena.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg saħaq dwar l-importanza ta’ dan is-simpożju.