Il-Qorti ħelset fuq pleġġ lil Paul Borg, ta’ 44 sena, minn Santa Luċija, li kien mixli li attakka lil xi ħadd li jaf b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta waqt argument bejniethom f’Santa Luċija stess. L-inċident seħħ nhar il-Ħadd li għadda. Huwa ġie akkużat ukoll li kien reċidiv.
l-Ispettur Paul Camilleri, f’isem il-Prosekuzzjoni, qal lill-Qorti li Kevan Azzopardi mar l-għassa biex jirrapporta dak li kien ġara. Il-vittma spiċċa b’qatgħa f’idu, li t-tobba taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid kklassifikawha bħala gravi.
Il-vittma qal lill-Pulizija li fl-argumet intużat sikkina, mentri l-akkużat qal li kien uża bott tal-birra biex jiddefendi ruħu. L-Ispettur qal li Borg kien irrifjuta li jiffirma l-istqarrija li kien għamel lill-Pulizija.
Fil-Qorti Borg qal li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat tad-Difiża talab li jingħata I-libertà proviżorja, u argmenta li Borg ma kellu l-ebda interess li jerġa’ jiltaqa’ mal-vittma.
Il-Qorti nnutat li r-rekord kriminali ta’ Borg juru li kien involut f’inċidenti simili almenu darbtejn oħra. Madankollu, tatu l-libertà proviżorja u wissietu li qed tagħtih ċans wieħed ieħor.
Huma ‘ħareġ fuq pleġġ b’depożitu ta; €250 u garanzija personali ta’ €2,000, filwaqt li jrid jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma u ordnat lil Borg biex ma jersaqx lejn dik il-parti ta’ Santa Luċija fejn seħħ l-inċident.