Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’darbtejn u nofs aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-ekonomija Maltija kibret bi 3.1 fil-mija.
Dan it-tkabbir ekonomiku f’pajjiiżna seħħ minkejja l-perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija li kkaġunat.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ li, f’dan il-perjodu, il-ġid nazzjonali kien ilaħħaq iżjed minn €4.3 biljun. Dan ifisser żieda ta’ €356.8 miljun jew 9.1 fil-mija, meta mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena li għaddiet.
Ħareġ ukoll li l-ġid nazzjonali fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kien jisboq dak li kien irreġistrat fl-2019 – is-sena ta’ qabel il-pandemija. Dan hekk kif ġiet irreġistrata żieda ta’ kważi biljun ewro meta mqabbel mal-perjodu bejn Jannar u Marzu tas-sena ta’ qabel il-pandemija.
L-NSO nnota li, f’dan l-ewwel kwart tas-sena li qegħdin fiha, kienu bosta l-oqsma ekonomiċi li rreġistraw tkabbir, fosthom dak li jinkludi l-manifattura, il-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, is-settur tal-informatika u t-telekomunikazzjoni, u dak tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni.
Dawn iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li t-tkabbir ekonomiku tqassam fi kważi €150 miljun li marru f’żieda fis-salarji tal-ħaddiema, f’aktar minn €117-il miljun fi qligħ għan-negozji, u f’aktar minn €92 miljun f’taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni.
B’rabta ma’ dan l-iżvilupp, il-Prim Ministru Robert Abela kkummenta fuq Twitter li dan it-tkabbir ekonomiku wasal permezz tas-sussidju li qed jagħti l-Gvern fil-prezzijiet tal-enerġija, li wassal biex l-industrija u s-servizzi komplew jikbru b’mod b’saħħtu.
Din l-istatistika tal-NSO ħarġet ftit jiem wara li, fit-tbassir tagħha għar-Rebbiegħa, il-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
During the first quarter of this year, the Maltese economy grew at two and a half times the EU average. Shielded from energy price shocks our industry and services continued to grow strongly. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 30, 2023