It-Tnejn infetaħ uffiċjalment f’Malta l-Logħob tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa.
Logħob li laħaq id-dsatax-il edizzjoni tiegħu u li din is-sena qed jikkompetu fih numru rekord ta’ atleti minn 9 pajjiżi differenti.
Għal din l-edizzjoni qed jikkompetu mal-200 atleta f’isem il-bandiera bajda u ħamra, f’għaxar dixxiplini sportivi differenti.
It-Tnejn filgħaxija ngħata l-bidu uffiċjali għal dan il-logħob li pajjiżna qed jospitah għat-tielet darba, f’ċerimonja tal-ftuħ mill-isbaħ li ddominat il-Fosos tal-Furjana.
Ċerimonja li rat lill-atleti tal-pajjiżi differenti joħorġu bil-bnadar rispettivi tagħhom fuq il-palk fil-Fosos filwaqt li jindaqq l-Innu Malti.
Intant numru ta’ persuni indirizzaw din iċ-ċerimonja.
Fosthom kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela li sostna li Malta hija lesta biex tilqa’ dan l-avveniment sportiv internazzjonali.
Il-Prim Ministru semma l-investiment rekordmill-aktar b’saħħtu li sar fil-faċilitajiet sportivi, u fit-taħriġ tal-atleti Maltin bi preparazzjoni għal dan il-logħob, iżda anke lil hinn minn hekk.
Huwa kellu wkoll messaġġ wieħed għall-atleti Maltin.
Lill-atleti tagħna messaġġ wieħed: Kuraġġ, Malta warajkom. Konvint li bil-prestazzjonijiet tagħkom se tkunu ta’ ispirazzjoni għall-atleti tagħna ta’ għada; għat-tfal Maltin u Għawdxin kollha li se jkunu qed isegwukom bi ħġarhom.
Hekk kif indirizza lid-dinjitarji u r-rappreżentanti mill-kontinġenti tal-pajjiżi parteċipanti fil-logħob, il-Prim Ministru fakkar kif dan huma l-ewwel Logħob li qed isir wara l-pandemija. Għalhekk, afferma s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dan il-Logħob qed isir f’pajjiż li jħaddan il-valuri ta d-diversità u l-inklużjoni.
Dr Abela temm id-diskors tiegħu billi ddikjara dan il-Logħob miftuħ, u hemm inxtegħlet it-torċa Olimpika.
Indirizza din iċ-ċerimonja wkoll Spyros Capralos, li huwa l-President tal-Kumitat Olimpiku Ewropew. Huwa laqa’ lill-atleti kollha f’Malta, li ddeskriviha bħala gżira mill-isbaħ. Qal li l-jiem li ġejjin huma kruċjali sabiex jissawru memorji li ma jintesew qatt.
Huwa feraħ ukoll lill-dawk kollha li kienu kruċjali biex dan il-logħob seta’ jsir b’suċċess u faħħar l-organizzazzjoni Maltija.
“My congratulations to the organising committee, the officials and, particularly, the volunteers. Thank you for welcoming the athletes and all of us to beautiful Malta and with such a wonderful hospitality. These games are a confirmation of the power of sports to unite us all.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Isport, Clifton Grima, saħaq fuq l-importanza tal-valuri ta’ dan il-logħob, fosthom ir-rispett u l-fair play.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti biex dan il-logħob isir b’suċċess, il-Ministru Grima awgura lill-atleti kollha għall-kompetizzjonijiet li għandhom quddiemhom.