Kollox ma’ kollox, iċ-ċiklu mestrwali tal-mara għadu meqjus bħala suġġett pjuttist tabù, u frekwentament jiġi diskuss b’mod kunfidenzjali iżda mhux b’mod miftuħ.
Fid-dawl ta’ din ir-realtà, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza organizza diskussjoni mifuħa bil-għan li jitqajjem iktar għarfien fuq dan is-suġġett u titkisser l-istigma assoċjata miegħu. Fid-diskussjoni pubblika ħadu sehem, fost l-oħrajn, ġinekologa, qabla, student tal-mediċina li huwa wkoll rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, u għalliema tal-PSCD.
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, ħabbret proġett pilota li se jwassal biex prodotti tal-period jibdew jitqassmu b’xejn fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex fis-sena skolastika li ġejja.
Dan huwa parti mill-impenn elettorali tal-Gvern, li fil-programm elettorali ‘MaltaFlimkien’ wiegħed li prodotti relatati mal-iġjene mestrwali jibdew jitqassmu b’xejn lill-istudenti fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li se jsiru studji estensivi dwar proġetti simili li saru f’pajjiżi li diġà introduċew dan il-kunċett, u mbgħad jibda l-proġett pilota f’numru ta’ skejjel madwar qabel ma jinferex mal-iskejjel kollha madwar il-pajjiż kollu.
Barra minn dan, hija rreferiet ukoll għall-fatt li l-manifest elettorali kien wiegħed ukoll li r-rata tal-VAT fuq prodotti relatati mal-mestrwazzjoni tkun l-inqas possibbli. Qalet li għaddejjin id-diskussjonijiet rigward dan. B’dawn il-miżuri, jiġi assigura li kulħadd ikollu aċċess għal dawn il-prodotti.
“Naraw kif l-aħjar nagħmlu dan il-metodu ta’ distribuzzjoni fl-iskejjel sabiex inkunu nistgħu nilħqu aktar persuni filwaqt li nassiguraw ugwaljanza għaliex mhux kulħadd ikollu dak l-aċċess.”
Intant l-Assistent Direttur fid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, Annalise Desira, għafset fuq l-importanza ta’ aktar diskussjoni fuq dan is-suġġett u qalet li għandu jkun hemm aktar aċċesibiltà għal dawn il-prodotti.
“Neliminaw l-istigma marbuta ma’ dan is-suġġett u, ovvjament. nitkellmu fuq l-iġjene marbuta, għaliex ħafna drabi nassumu li kulħadd jaf x’għandu jagħmel waqt li jkun qiegħed bil-period.”
Ritratt: Getty