Il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju hija d-data l-ġdida għall-avveniment Night at the Museum organizzat minn Heritage Malta, li matulu l-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra se jieħdu l-ħajja għad-dawl tal-qamar u joffru lill-pubbliku l-opportunità li jesperjenza ż-żewġ siti bħal qatt qabel.
L-avveniment li kellu jsir fid-data oriġinali kien tħassar minħabba l-maltemp.
Il-viżitaturi se jmorru lura fiż-żmien lejn il-perjodu Ruman, Medjevali u l-bidu tal-era moderna, sal-ħakma Franċiża u Ingliża. Dan permezz ta’ rappreżentazzjonijiet storiċi minn atturi li se jkunu f’kull rokna tal-forti u tal-mużew.
Il-viżitaturi se jkunu jistgħu wkoll jimirħu fil-wesgħat impressjonanti tal-Forti Sant’Iermu fi nżul ix-xemx u wara li jidlam, japprezzaw l-arkitettura l-ġmiel tagħha taż-żewġ kappelli dedikati lil Sant’Anna, u jiskopru seba’ taqsimiet differenti fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, li jkopru 7,000 sena ta’ storja militari Maltija. Artefatti bħall-Gloster Sea Gladiator N5520 FAITH, il-Willys Jeep ‘Husky’ użat minn Eisenhower u Roosevelt, u l-George Cross li ngħata lil Malta għall-qlubija ta’ niesha, żgur se jgħinu biex din tkun esperjenza li ma tintesiex malajr.
Il-kmamar li jiffurmaw dak li kien magħruf bħala l-Harbour Fire Command fil-parti ta’ fuq nett tal-Forti Sant’Iermu se jkunu miftuħin għall-pubbliku wkoll u se jkomplu jsebbħu l-esperjenza tal-viżitatur f’dan il-forti mill-isbaħ mibni forma ta’ stilla.
Il-forti u l-mużew se jkunu miftuħin f’ħinijiet estiżi speċjali bejn is-7.00pm u l-10.30pm, bl-aħħar dħul fl-10.00pm. Il-biljetti jinxtraw mill-bieb bil-prezz imraħħas ta’ €5 għal kull persuna. Tfal sa 11-il sena u membri ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn. Se jkun hemm ikel u xorb għall-bejgħ.
Din l-attività se tittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Khalili fl-okkażjoni tal-Festival Dinji tad-Diversità Kulturali organizzat mill-UNESCO.