Minn kemm ilhom li żdiedu żewġ vaċċini ġodda kontra l-meninġite fuq il-formularju tal-Gvern, lura fl-elfejn u għoxrin, ingħataw kważi sebgħin elf doża ta’ din it-tilqima ta’ prevenzjoni lil eluf ta’ tfal.
Il-vaċċin kontra l-meninġite B iddaħħal fuq il-formularju tal-Gvern tliet snin ilu, filwaqt li dak kontra l-meninġite ACWY kien diġà fuq il-formularju fl-elfejn u ħmistax, iżda ma kienx jibbenefika minnu bla ħlas kulħadd.
Għaldaqstant, dawn iż-żewġ vaċċini bdew jingħataw lit-trabi kollha bla ħlas, minn Ġunju tal-elfejn u għoxrin.
Fl-ewwel sentejn sħaħ minn meta beda jingħata, il-vaċċin kontra l-meninġite B, ħadu l-kors sħiħ tiegħu ta’ tliet dożi, kważi disat elef tifel u tifla.
Mill-elfejn u wieħed u għoxrin, din it-tilqima bdiet tingħata wkoll lil żgħażagħ ta’ erbatax-il sena fl-iskejjel.
B’kollox sal-lum tlaqqmu aktar minn sebat elef żagħżugħ u żagħżugħa fl-iskejjel b’dan il-vaċċin.
Dan l-istazzjon tkellem mat-tabib ewlieni tal-Gvern, Walter Busuttil, li spjega kif il-meninġite hija infezzjoni fin-nervaturi, li tibda minn infjammazzjoni fir-rita ta’ madwar il-moħħ.
“Ir-riżultati tal-meninġite jistgħu jkunu varji. Ikun hemm effetti fuq in-nervituri kollha, jiġifieri jista’ jkun effett fuq kif jaħseb il-moħħ, jista’ jkun hemm effetti fit-tul, jista’ jkun hemm effett fuq il-moviment, jista’ jkun hemm effett fuq il-feeling, fuq il-vista, fuq is-smigħ, jiġifieri l-meninġite tħalli effett fuq ħafna affarijiet differenti li jaħdmu bin-nervituri.”
It-tabib kompla jispjega kif jeżistu żewġ tipi ta’ meninġite, waħda inqas serja mill-oħra, u minkejja li jeżistu trattamenti, l-aħjar għodda għall-prevenzjoni hija l-vaċċin.
“Aħna l-liġi ġġiegħel lill-poplu kollu li jieħu vaccines at a very young age u din ngħidulha s-6 in 1. Waħda minn dawn is-sitta, hija vaccine kontra kwalità ta’ meninġite li tissejjaħ hib – haemophilus influenzae meningitis.”
Dan l-istazzjon tkellem ukoll ma’ Maria Zerafa, omm ta’ żewġ subien, li l-ewwel wild tagħha twieled meta dawn il-vaċċini kienu għadhom iridu jinxtraw bi spiża għall-ġenituri.
Hija setgħet tqabbel kif fl-ewwel wild tagħha ħames snin ilu, dawn il-vaċċini swewha madwar seba’ mitt ewro, filwaqt li għat-tarbija li għandha issa, dawn il-flus se tiffrankahom.
“Jiena mill-esperjenza li kelli tat-tifel l-ieħor, niftakar li kienet spiża għax ovvjament, tal-meninġite tiswa ftit mhux ħażin u jkollok baby ġdid, ikollok ħafna spejjeż jiġifieri xi ħaġa tajba li naf li ħa nagħtihielu u ħa niffrankaw xi ħaġa għax dawk il-flus issib x’tagħmel bihom meta jkollok newborn.”
It-tilqim kontra l-meninġite jmur id f’id ma’ vaċċini oħra li l-Gvern jagħti b’xejn lit-trabi u t-tfal, fosthom kontra l-ħosba, ir-rubella u l-kanċer fl-għonq tal-utru.