Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, Stanley Zammit, ikkonferma ċar u tond li l-Partit Nazzjonalista ma jneħħix artijiet mill-iskema tal-iżvilupp.
Huwa kien qed jirreferi għal dawk l-artijiet li kienu ddaħħlu fl-iskema tal-iżvilupp fl-2006 minn gvern Nazzjonalista. Dak iż-żmien, dak il-proċess kontroversjali, imsejjaħ “ta’ razzjonalizzazzjoni”, kien ta d-dritt ta’ żvilupp lil għadd ta’ artijiet id-daqs tas-Siġġiewi kollu.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat kif, fl-aħħar xhur, kelliema tal-Partit Nazzjonalista pprovaw jirkbu fuq is-sentiment ta’ residenti viċin dawn l-artijiet li pprotestaw għall-fatt li fuqhom saru applikazzjonijiet ta’ ppjanar.
Iżda ċ-ċittadini li għandhom jew biegħu dawn l-artijiet jitkellmu dwar kif tali applikazzjonijiet huma dritt li hu tagħhom bil-Pjan Lokali tal-2006.
Quddiem il-messaġġi tal-Oppożizzjoni, li qed tipprova tirkeb fuq dawn il-każijiet, ONE News għamel mistoqsija ċara u tonda lil Stanley Zammit: jekk jemminx li min għandu art f’żona ta’ żvilupp għandha titneħħielu issa u jekk, fuq kollox, hix din il-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Il-mistoqsija diretta minn ONE News kienet: “Min għandu art fabbrikabbli qed tgħidulu li se tneħħuhielu miż-żona tal-iżvilupp?”. It-tweġiba, daqstant ieħor skjetta, ta’ Stanley Zammit kienet li “le”.
Fi kliem sempliċi, il-kelliem tal-Oppożizzjoni kkonferma li dawk l-artijiet kollha li fl-2006 iddaħħlu fl-iskema ta’ żvilupp se jibqgħu proprju għal dak il-għan, jiġifieri li jiġu żviluppati.
Ironikament, fl-aħħar jiem, Stanley Zammit kien iż-Żurrieq biex jagħti l-appoġġ lil numru ta’ residenti li oġġezzjonaw li art tiġi żviluppata, anke jekk din iddaħħlet fiż-żona tal-iżvilupp f’dak il-proċess tal-gvern Nazzjonalista tal-2006.
Dwar li l-Partit Nazzjonalista m’għandux ħsieb li jirrevoka d-deċiżjoni li ttieħdet fl-2006, anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kien iddikjara pożizzjoni simili.
“Mhux se nidħol fuq id-drittijiet tan-nies li jiżviluppaw il-proprjetà tagħhom,” kien qal Grech. Dan anke jekk fl-istess ħin jitkellem dwar il-bilanċ ambjentali biex jipprova jintgħoġob ma’ kulħadd, kull darba li tfeġġ xi applikazzjoni fuq dawn l-artijiet.