Fi sforz biex titrawwem il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ produtturi tal-films f’Malta, il-Kummissjoni Maltija tal-Films (MFC) organizzat sessjoni ta’ informazzjoni fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (l-MCAST) f’Raħal Ġdid.
F’din is-sessjoni, l-istudenti ġew mgħarrfin dwar il-Fond ‘Malta Create’, li tnieda bħala parti mill-Festival tal-Films Mediterrane biex jipprovdi finanzjament ta’ €100,000 għall-produzzjoni ta’ films qosra.
Minbarra l-finanzjament, l-applikanti rebbieħa se jingħataw ukoll sostenn mill-aqwa ismijiet fl-industrija. L-inizjattiva hija maħsuba biex issaħħaħ l-industrija tal-films Maltija, tqanqal it-talent kreattiv, u tipprovdi appoġġ lill-produtturi tal-films promettenti li għadhom jibdew.
Indirizzaw lil dawk preżenti l-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, u Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, u l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Cliftion Grima.
L-applikazzjonijiet għall-Fond tal-Films Qosra ‘Malta Create’ huma miftuħa sas-7 ta’ Ġunju 2023, u r-rebbieħ jiġi ddikjarat waqt l-ewwel Festival tal-Films Meditarrene. Il-linji gwida tal-fond huma disponibbli fuq www.mediterrane.com/maltacreate.