Il-Ħadd, dominanti fiż-Żurrieq kien hemm ir-riħa taqsam il-qlub, ta’ ħut frisk maqbud mis-sajjieda Żrieraq u tal-aljotta tradizzjonali.
Għal sena oħra, il-Kunsill lokali taż-Żurrieq organizza Festa Ħut, li għaliha attendew mijiet ta’ nies. Kull min mar seta’ jixtri l-ħut mill-bejjiegħa li kien hemm armati, bl-aktar ħuta mfittxija kienet dik għall-aljotta u t-tonn, li bħalissa huwa żmienu.
ONE News tkellem ma’ dawn il-bejjegħa, uħud b’esperjenza ta’ snin twal, li qalulna kif attivitajiet bħal dawn ikomplu jesponu x-xogħol tradizzjonali tagħhom. Festa Ħut serviet bħala attività għall-familja kollha, b’logħob għat-tfal, tqassim ta’ pjanti, bejgħ ta’ affarijiet magħmulin mill-idejn, kant, qari ta’ siltiet bid-djalett Malti u wirja tal-injam imnaqqax f’forma ta’ ħlejjaq tal-baħar.
Is-Sindku Rita Grima, qaltilna li Festa Ħut ta’ kull sena tkun parti mill-attivitajiet ta’ Jum iż-Żurrieq: “Aħna fl-1 ta’ Ġunju jkollna Jum iż-Żurrieq, allura nagħmlu ġimgħa ta’ attività, bdejna ilbieraħ tajna Ġieħ iż-Żurrieq, illum għandna Festa Ħut hawn ħafna nies, ħafna attività u hawn ikel u aljotta.”