Il-Partit Nazzjonalista għadu qed iħaddem l-iskema taċ-ċedoli li, meta nħolqot, ħafna rawha bħala mod kif il-partit idur mal-obbligi tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
It-TORĊA żvelat kif din l-iskema baqgħet fis-seħħ u llum hemm madwar sitt miljun ewro li daħlu għand il-Partit Nazzjonalista b’dan il-mod.
Din l-iskema nħolqot fi żmien l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil.
Minn dakinhar, tal-Partit Nazzjonalista bdew jitolbu n-nies jagħtuhom għaxart elef ewro, imbagħad iħallsuhom lura bl-imgħax.
Dan sar mingħajr ebda forma ta’ skrutinju jew due diligence fil-proċess.
Fil-fatt, kif qalet it-TORĊA fl-analiżi tagħha, meta daħlet fis-seħħ l-iskema kienet qajmet ħafna kontroversja għax il-Partit Nazzjonalista mhux istituzzjoni finanzjarja. Għalhekk, din l-iskema kienet interpretata bħala mod kif il-Partit Nazzjonalista jdaħħal eluf kbar mingħajr ma jiddikjara mingħand min.
L-iskema kienet bdiet ukoll meta l-Partit Nazzjonalista beda jsibha diffiċli jissellef mingħand il-banek.
L-analiżi tat-TORĊA tal-kontijiet ippubblikati mill-Kummissjoni Elettorali turi li, fuq medda ta’ ħames snin, il-Partit Nazzjonalista issellef mingħand terzi persuni medja ta’ kważi €1,250,000 fis-sena permezz taċ-ċedoli.
Iċ-ċedoli jitħallsu b’rata ta’ mgħax ta’ erba’ fil-mija (4%) u suppost li jitħallsu fi żmien għaxar snin wara li jkunu nħarġu. Fil-fatt, l-ewwel ċedoli jridu jibdew jitħallsu lura fl-2026.
Il-kontijiet finanzjarji tal-Partit Nazzjonalista jindikaw li sa tmiem l-2020 l-Partit kellu jagħti €6,156,300 lil dawk li sellfuh permezz ta’ ċedoli.
Fil-fatt, id-dipendenza dejjem tikber tal-Partit Nazzjonalista fuq iċ-ċedoli qed tqajjem dubji kbar fuq kif dan id-dejn jista’ jitħallas lura, speċjalment meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ppreżenta qagħda tant imwiegħra tal-finanzi tal-Partit.