F’ġurnata bnazzi, l-Aġenzija tal-Vittmi tal-Kriminalità flimkien mal-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija organizzaw ħarġa il-Belt Valletta għal madwar 15-il tifel u tifla li xi ħadd mill-ġenituri tagħhom kienu vittma ta’ Vjolenza Domestika.
Ħarġa li serviet ta’ divertiment għat-tfal li pparteċipaw, li barra li laqqagħthom ma’ ħafna karattri popolari magħhom, serviet ukoll, biex il-pulizija f’għajnejn it-tfal, ikunu dawk li jqisuhom bħala nies li jagħtu servizz lis-socjetà u li mhux biex jibżgħu minnhom.
L-Aġenzija tal-Vittmi tal-Kriminalita ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar sentejn u diġà għenet mat-3000 vittma tal-Kriminalità. Fost dawn tat sostenn lil vittmi ta’ serq, frodi, insulti, theddid u swat li jwassal għall-vjolenza fiżika kif ukoll mentali.
L-iskop huwa li wara li dawn ikunu għaddew min din l-esperjenza, l-Aġenzija tibqa tagħti appoġġ kemm lill-vittmi ta’ vjolenza domestika kif ukoll dawk li jkunu vittmi ta’ reati kriminali oħrajn.
ONE News tkellem mal-Ispettur Silvana Gafa – Kap tas-Servizzi tal-Aġenzija Vittmi tal-Kriminalità dwar il-ħsieb wara din il-ħarġa għal dawn it-tfal.
“L-għan tagħna hu li bħal Aġenzija li nieħdu ħsieb il-vittmi flimkien mal-Pulizija tad-Domestic Violence illum stedinna diversi persuni li kellhom kuntatt mal-pulizija u anki mal-Aġenzija fejn organiżżajna attività differenti. Dan biex jaraw l-irwol tal-pulizija b’mod differenti u b’hekk inkunu aktar qrib b’mod differenti.”
Fl-aħħar ġimgħat l-Aġenzija tal-Vittmi tal-Kriminalita flimkien mal-Unit għall-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija nediethelpline bla ħlas, 116 006 li fuqha jista jċempel kull min jaħseb li huwa vittma ta’ xi tip ta’ kriminalità.