Sentiment u reazzjonijiet pożittivi minn diversi msieħba soċjali ftit wara l-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, li matula ġie ppreżentat ir-Rapport Nazzjonali dwar il-Produttività tal-2022.
Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza din il-laqgħa fejn emfasizza l-viżjoni ekonomika tal-gvern u tkellem dwar kif il-bidla u l-innovazzjoni jridu jiġu fiċ-ċentru tal-ħajja ta’ kuljum.
Fil-fatt, il-Perit David Xuereb, ic-Chairperson tal-MCESD, f’kumment ma’ ONE News sostna li ġie milqugħ b’entużjażmu dak li qal l-Prim Ministru Robert Abela, jiġifieri li għal ekonomija b’saħħitha fit-tul li twassal għal aktar kwalità tal-ħajjar, irridu ninvestu fir-riċerka, l-iżvillupp u l-innovazzjoni.
Huwa spjega li dan irid isir biex inkomplu nżidu l-kompetittività u nilqgħu għall-isfidi li jistgħu jiġu fuqna ħabta u sabta.
“Għamel impenn naħseb pożittiv ħafna li aħna lqajnih b’entużjażmu li ħa naraw fejn ninvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni u ma ssirx biss f’xi laboratorju l-università.”
Il-President tal-General Workers’ Union Victor Carachi nnota kif it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa b’saħħtu ħafna u riżultati bħal dawn jagħtu sostenn importanti biex nibqgħu kompettitivi u nikkontrollow l-inflazzjoni f’pajjiżna.
Huwa tenna kif b’hekk dan jagħmilha possibbli biex ikun hemm aktar fondi disponibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment favur il-ħaddiem Malti u Għawdxi.
“Fejn tidħol riċerka u innovazzjoni iva hemm fondi, fondi kemm lokali u fondi ewropej li dak li jkun jista’ jutulizza anka fejn jidħlu start-ups biex mill-inkubatur tagħhom li jkun meta jibdew imbagħad jespandu u jikbru.”
Dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, ma’ ONE News tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika, il-MAM Martin Balzan fejn sostna li fil-qasam mediku issir ħafna riċerka u din tista’ tkompli tgħin biex il-pazjenti Maltin u Għawdxin jjkunu jistgħu jieħdu kura b’mod aktar effiċjenti.
“Aħna naħsbu li hemm lok fejn biex jittejbu l-affarijiet tkun iżjed strutturata jiġifieri jkun hemm fondi minn amministrazzjoni speċifika biex tgħin fis-settur tar-riċerka medika lokali. Din mhux se taqleb id-dinja imma tgħin il-kura tal-pazjenti Maltin u jkun hemm ukoll ir-riżultati tagħha ħafna drabi jgħollu l-prestiġju sew tal-istituzzjonijiet Maltin u sew tal-professjoni medika.”