“Dinja fuq tliet gżejjer fil-Mediterran.” Dan kien it-titlu ta’ artiklu tas-sit internazzjonali CNN dwar pajjiżna, ftit ġimgħat qabel jibda l-istaġun tas-sajf.
Dan it-titlu jirreferi għall-arċipelagu Malti; il-gżejjer ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna.
Dan l-artiklu tas-CNN jgħid li pajjiżna huwa mogħni b’temp sabiħ u dan jagħmlu perfett biex wieħed iżur pajjiżna għall-btala.
F’dan l-artiklu, is-CNN ta ħarsa lejn postijiet ta’ interess li wieħed għandu jmur meta jżur pajjiżna.
L-ewwel li ssemmiet hija l-Belt Valletta – fejn intqal li wieħed għandu jżur il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-ġnien tal-Barrakka u l-bosta mużewijiet li hemm fil-kapitali.
Wara jissemmew it-Tliet Ibliet, jiġifieri Bormla, Birgu u Isla – li huma mogħnija bl-istorja rikka ta’ pajjiżna.
F’dan l-artiklu, li huwa ta’ reklam għall-eluf li jżuru dan is-sit internazzjonali jsemmew ukoll postijiet bħal Marsaxlokk, Blue Grotto, Wied il-Għajn, Sliema, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.
Dan l-artiklu jsemmi wkoll il-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna, fejn ġie nnutat is-sbuħija tagħhom.
Dan is-sit internazzjonali ma jonqosx milli jsemmi l-istorja rikka ta’ pajjiżna, hekk kif fil-gwida għat-turisti jsemmi t-tempji tal-preistorja: dak ta’ Ħaġar Qim u tal-Ġgantija.
Isemmi wkoll ġrajjiet storiċi bħal dik tal-Assedju l-Kbir tal-1565, li wassal biex wara dan l-Assedju nbniet il-Belt Valletta.