Mohamed M. Ali Al Musrati, Libjan ta’ 38 sena li jgħix San Ġiljan tressaq il-Qorti llejla mixli b’diversi akkużi marbuta mal-pussess u t-traffikar tad-droga, u li organizza jew iffinanzja għaqda ta’ żewġ persuni jew aktar bil-ħsieb li jagħmlu reati kriminali, fost akkużi oħra.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjegat li l-akkużat ġie arrestat f’operazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ kriminalità organizzata u ħasil ta’ flus.
L-Ispettur xehed li l-akkużat kien jagħmel użu minn mutur u jieħu oġġetti lil diversi persuni.
Spjega kif waqt rejd tal-Pulizija f’residenza f’San Ġiljan jumejn ilu, fejn ġie arrestat il-Marokkin Hamza Gorai, l-akkużat instab fil-bitħa tal-istess residenza jipprova jaħrab billi jaqbeż ġo residenzi oħra. Huwa ġie arrestat hawnhekk.
Id-difiża kkontestat il-validità tal-arrest u talbet għal prova ulterjuri tal-ħin tal-arrest.
Wara li qieset iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ u s-sottomissjonijiet imressqa miż-żewġ partijiet, il-Qorti qalet li l-arrest huwa validu u sar skont il-liġi.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.