Hekk kif minn nhar it-Tnejn Malta se tibda tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, l-istazzjon ONE se jkun qed iżomm lit-telespettaturi tiegħu aġġornati għal ġimgħa sħiħa permezz ta’ programm speċjali.
Dan il-programm, bl-isem ‘Żona Sport Specjali Malta 2023’, se jkun qed jixxandar darbtejn kuljum.
Tkellimna mal-preżentatur, Mario Bonnici, li tana aktar tagħrif dwar x’wieħed għandu jistenna minn dan il-programm.
“L-ewwel aġġornament ikun fl-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar: ikun aġġornament qasir ta’ madwar għaxar minuti fejn inżommu t-telespettaturi aġġornati dwar dak illi jkun seħħ fl-ewwel parti tal-ġurnata. Imbagħad aġġornament ieħor ta’ nofs siegħa fit-tmienja u ħamsa ta’ filgħaxija, eżattament wara l-bulettin ta’ ONE News.”
Il-programm se jkun qed janalizza l-avvenimenti li jkunu seħħew matul dak il-jum u r-rebħiet mill-atleti Maltin.
“Il-qofol se jkun fl-ewwel ġurnata, fejn se nxandru wkoll b’mod live – għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija – iċ-ċerimonja tal-ftuħ. Ikun hemm l-ewwel programm speċjali Żona Sport fit-tmienja u ħamsa. Imbagħad, ovvjament, immexxu u nżommu appuntament mat-telespettaturi sakemm tibda ċ-ċerimonja tal-ftuħ.”
Din hija t-tielet darba li Malta se tkun qed tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u din is-sena se jkun qed isir minn nhar it-Tnejn li ġej sas-Sibt, it-tlieta ta’ Ġunju.