118-il edukatur ingħataw il-warrant mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, f’ċerimonja tal-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema, li saret fil-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Il-parti l-kbira ta’ dawk li rċevew il-warrant iggradwaw madwar sentejn ilu u, wara sentejn prattika, ġew ikkonfermati bħala għalliema permezz ta’ dan il-warrant.
L-għalliema li rċevew il-warrant ġejjin kemm mill-iskejjel tal-Istat kif ukoll mill-iskejjel Independenti u tal-Knisja.
Il-Ministru Grima spjega kif bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet għall-ftehim settorjali ġdid li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi, u li jibni fuq il-ftehim ta’ qabel.
Il-Ministru qal li l-Gvern qed iżomm il-wegħda li għamel, li l-edukaturi u r-rappreżentanti tagħhom huma msieħba importanti u għalhekk flimkien qed ifasslu mill-qiegħ l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida li se twassal sas-sena 2030. Dan qed isir għax il-Gvern jemmen li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar bħala policymakers u li jkunu integrati aħjar fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
“Minn qalbna nawguraw lil dawn l-edukaturi, li għandhom irwol importanti ħafna f’dak li huwa l-iżvilupp tat-tfal tagħna u li għandhom irwol importanti fl-edukazzjoni ta’ wliedna.”