Parti mill-wiċċ tal-flyover tal-Marsa ħa jkollu jinqala’ u jingħata mill-ġdid minħabba l-inċident li seħħ aktar kmieni llum, fejn inxterdu madwar mitejn litru ta’ żejt. Dan għaliex l-imsemmi żejt huwa materjal li jnaqqas l-effiċjenza tal-asfalt li hemm fiż-żona.
Fil-fatt, fis-sigħat li ġejjin, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, mistennija jibdew ix-xogħlijiet ta’ tneħħija u tqegħid ta’ asphalt ġdid. It-triq se tkun magħluqa għaliex mhix sigura, u l-ħsieb huwa li l-korsija tirritorna għas-sewwieqa għada tard waranofsinhar.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza li saret minn Infrastruttura Malta, fejn ingħataw dettalji lill-ġurnalisti dwar dan l-inċident.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Ivan Falzon spjega kif l-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta trakk li jġorr il-merkanzija fit-toroq, waqqa’ madwar mitejn litru ta’ żejt li nxtered fit-toroq tal-madwar ta’ Triq Garibaldi, fil-parti tan-nofs tal-flyover.
Spjega li peress li dan il-likwidu jimxi, għadda ġol-istone water system u ġo sistemi oħra, u nxtered fil-parti ta’ taħt ukoll.
Iż-żona impattata hija tul ta’ tliet mitt metro, b’wisgħa ta’ tmien metri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta qal li ġew infurmati b’dan l-inċident għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu u mill-ewwel ittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm il-preżenza tal-uffiċjali tas-sigurtà li jassistu fit-toroq u jidderieġu t-traffiku li ġie kkawżat minn dan l-inċident.
Ġie spjegat ukoll li ħa jsir assessjar tas-sitwazzjoni fuq is-sit biex tingħata stampa aktar ċara tal-problemi li hemm u tingħata prijorità lit-toroq. Se jsir ukoll pjan bejn l-entitajiet ikkonċernati biex jinħoloq pjan, u l-pubbliku jiġi avżat rispettivament bit-toroq li jistgħu jintużaw sakemm terġa’ tinfetaħ it-triq.
Iż-żewġ kapijiet eżekuttivi rringrazzjaw lill-entitajiet kollha li assistew f’din l-operazzjoni, fosthom anki ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.