Wara l-ftuħ tal-uffiċini tiegħu fil-Mellieħa, f’Ħaż-Żabbar, u f’Għawdex, l-AgriConnect fetaħ ir-raba’ post – f’Ta’ Qali – sabiex jintlaħqu aktar bdiewa u raħħala f’aktar lokalitajiet.
L-AgriConnect tifforma parti mid-Direttorat għall-Agrikoltura.
Waqt żjara fl-uffiċini l-ġodda f’Ta’ Qali, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li b’dan l-investiment il-Gvern qed ikompli jgħin lill-bdiewa u lir-raħħala sabiex jingħataw informazzjoni fuq servizzi provduti lilhom.
“Il-bdiewa u r-raħħala li jibbenefikaw minn servizzi tal-AgriConnect ikunu wkoll jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet imnaqqsa għal servizzi oħrajn offruti minn AgriConnect bħal korsijiet li jwasslu għal-liċenzja ġdida fuq il-protezzjoni tal-pjanti, korsijiet ta’ tiġdid fuq l-istess liċenzja u anke servizz ta’ konsultazzjoni dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Pesti sabiex il-bidwi jkun jista’ jibbenefika minn skemi taħt fondi Ewropej,” spjega l-Ministru Refalo.
Il-Ministru Refalo temm jgħid li dan is-servizz iservi mhux biss biex jinċentiva lill-bdiewa u li-raħħala, iżda wkoll sabiex jinkoraġġixxi żgħażagħ sabiex jagħżlu dan is-settur għall-karriera tagħhom u jgħinhom jibbenefikaw minn fondi allokati speċifikament għalihom.
Id-Direttur għall-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega li s-servizzi offruti minn AgriConnect jappoġġaw lill-bdiewa u lir-raħħala bil-għan li jiksbu l-konformità u r-rekwiżiti tekniċi kollha meħtieġa biex ikollhom aċċess għal tipi differenti ta’ finanzjament u appoġġ konsultattiv li jista’ jgħinhom f’opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni, jipproduċu prodott ta’ kwalità ogħla u prodotti innovattivi u tekniċi ta’ biedja, filwaqt li jippjanaw u jistrutturaw in-negozju tal-biedja tagħhom b’mod effettiv f’kull rispett.