Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, li matula ġie preżentat ir-Rapport Nazzjonali dwar il-Produttività tal-2022.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru emfasizza l-viżjoni ekonomika tal-gvern, filwaqt li spjega li l-ekonomija Maltija għaddejja minn tranżizzjoni importanti ħafna.
“Il-viżjoni tagħna għaż-żmien li ġej tinkludi: Tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq it-tagħrif – knowledge intensive economy. Allura anke direzzjoni aħjar fl-edukazzjoni biex toħloq labour force li tkun tirrekjedi l-industrija tagħna. Tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ħadra – allura li bħala Gvern ninċentivaw l-industriji varji tagħna biex ikunu iktar ambjentalment sostenibbli u iktar diġitali. Illi nibqgħu niddiversifikaw dak li noffru bħala pajjiż u nkunu iktar kompetittivi, minkejja l-isfidi kollha li ghandna quddiemna. F’kull sfida rridu naraw opportunità.”
Dr Abela sostna li dan hu meħtieġ wara li l-iżvilupp ekonomiku li esperjenza pajjiżna fl-aħħar deċenju kien wieħed li wassal lil Malta tilħaq livell ieħor kif jixhdu r-riżultati ekonomiċi, hekk kif illum pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ xogħol, l-inqas rata ta’ qgħad u l-iktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa.
Fil-fatt, f’dan l-isfond, il-Prim Ministru assigura li Malta se tibqa’ tara tkabbir ekonomiku b’saħħtu, bil-Gvern se jkompli jaħdem favur livell ta’ għajxien aħjar.
Il-Prim Ministru laqa’ wkoll ix-xogħol li sar mill-imsieħba soċjali fuq dan ir-rapport li jitkellem dwar il-produttività ta’ pajjiżna. Hawnhekk, tenna l-importanza tad-djalogu soċjali biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.
“Ma nistħix ngħid li ħafna mill-viżjoni ekonomika ta’ dan il-Gvern ġejja minn ħsibijiet li ħriġtu bihom inthom. Anzi, ngħid allaħares mhux hekk. Għax Gvern ma jistax jingħalaq ġo xi torri tal-avorju u joħroġ bi strateġiji fl-arja. L-ekonomija hija importanti wisq biex titħalla timxi bl-autopilot jew skont il-ħsibijiet ta’ ftit persuni.”
Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għax-xokk tal-inflazzjoni li laqat lil diversi pajjiżi fl-aħħar xhur, u spjega kif f’Malta mingħajr it-tkabbir ekonomiku li ġie investiet fin-nies, il-konsum privat kien jistaġna u mhux ikompli jiżdied.
Madankollu kompla jisħaq fuq l-importanza tat-tiġdid.
“Fejn fi snin passati konna nitkellmu fuq l-introduzzjoni ta’ xi niċċa ekonomika ġdida, eżempju l-gaming jew l-avjazzjoni, issa hemm bżonn viżjoni ferm aktar wiesgħa. Fis-snin li ġejjin kull settur irid jinbidel. U l-bidla, kbira kemm hi kbira, m’għandiex tbeżżgħana. Anzi l-bidla hi l-garanzija ta’ pajjiż li jibqa’ kompetittiv u jattira l-investiment. “
Dwar it-tkabbir ekonomiku, il-Prim Ministru spjega li dan ġej mill-investiment, mit-titjib tal-ħiliet, mill-użu aħjar tar-riżorsi umani ta’ pajjiżna u minn żieda fil-produttività hekk kif faħħar il-kontribut tal-ħaddiema.
Dwar il-qalba diġitali u ambjentali, il-Prim Ministru spjega dak li qed jippjana l-gvern u kif iċ-ċokon ta’ pajjiżna għandu jservi ta’ opportunità biex ċerti bidliet isiru b’iktar ħeffa u effiċjenza.
Huwa spjega wkoll kif diġà sar ħafna f’dan ir-rigward.
“It-tkabbir ekonomiku ġej mill-investiment, mit-titjib tal-ħiliet, mill-użu aħjar tar-riżorsi umani ta’ pajjiżna u minn żieda fil-produttivita. Pajjiżna ġa wettaq ħafna f’dawn l-aspetti. Is-sena li għaddiet kellna nvestiment ta’ 3.7 biljun ewro. Għaxar snin qabel dan kien anqas min-nofs. L-istess fejn jidħlu gradwati jaħdmu fl-ekonomija tagħna. Illum għandna 94,000. Aktar mid-doppju ta’ għaxar snin ilu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela kkonkluda li dawn il-kisbiet huma biss il-bidu tat-triq u li biex immorru għal-livell li jmiss, il-bidla u l-innovazzjoni jridu jiġu fiċ-ċentru tal-ħajja ta’ kuljum.
Addressed the MCESD conference and outlined that we will continue to work on renewed principles with an economic vision for the future. This will include the transition towards a knowledge-intensive economy, a greener economy while embracing economic diversification. – RA pic.twitter.com/SE7jhq1MGo
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 26, 2023