Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Ministri għall-Kultura tal-pajjiżi fil-Punent tal-Mediterran iffirmaw dikjarazzjoni ta’ kooperazzjoni b’miri konkreti fis-settur kulturali fil-forum magħruf bħala d-Djalogu 5+5, f’Tuneż.
Din id-dikjarazzjoni filfatt, immarkat l-ewwel darba li l-Ministri għall-Kultura tar-reġjun attendew għal Laqgħa ta’ Djalogu 5+5 minn meta fl-1990 tnieda dan il-forum bil-għan li jitkattru r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi Ewropej tar-reġjun (Malta, l-Italja, Franza, Spanja u l-Portugal) u l-pajjiżi membri tal-Arab Maghreb Arab Union (il-Marokk, l-Algerija, it-Tunezija, il-Libja u l-Mauritania).
“Dan il-pass ‘il quddiem sar propju matul iż-żmien li Malta qed isservi bħala President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u dan jibgħat messaġġ importanti ħafna. Il-Gvern Malti jemmen bis-sħiħ li biex ikun hemm paċi fl-Ewropa huwa kruċjali li jkun hemm paċi fil-Mediterran u l-qasam kulturali huwa għodda formidabbli biex insostnu u nsaħħu r-relazzjonijiet bejn il-popli u l-pajjiżi tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
“Fid-dinja li qed ngħixu fiha, meta nkunu qed nitkellmu dwar il-kultura, inkunu qed nitkellmu dwar il-paċi,” qal il-Ministru Bonnici.
Huwa sostna li l-proġett tal-kultura bħala għodda tad-diplomazija huwa proġett li pajjina jemmen ħafna fih u li matul il-Presidenza Maltija se jkompli jiġi mmexxi l’quddiem b’enerġija kbira. Qal li Malta hija l-pont naturali biex toħloq ri-unjoni f’reġjun – il-Mediterran- li fih il-Gvernijiet u l-popli għandhom jaħdmu iktar flimkien.
Dr Bonnici saħaq li pajjiżna diġà qiegħed iqarreb flimkien il-ġnus fil-Mediterran permezz ta’ avvenimenti artistiċi u kulturali f’Malta stess li jħaddnu l-influwenzi kulturali Mediterranji u Ewropej u jżewquhom ma’ dawk Maltin. Dan qiegħed jispikka aktar minn qatt qabel fid-dawl tal-fatt li l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018, li l-valur tagħha ġie msaħħaħ aktar minn qatt qabel bid-deċiżjoni li l-2018 tkun is-sena ddedikata lill-patrimonju kulturali.
Waqt il-laqgħa bejn il-Ministri tal-Kultura 5 + 5 qablu wkoll li bis-saħħa tal-kultura jistgħu jingħelbu l-isfidi li bħalissa qed iħabbtu wiċċhom maghhom dawn l-istess pajjiżi minħabba żieda fl-estremiżmu, żenofobija u razziżmu li huma l-għeruq tal-problema tat-terroriżmu.
Il-kooperazzjoni kulturali bejn il-pajjiżi membri tad-Djalogu 5+5 se tkun qed isseħħ permezz ta’ tishih fil-qafas legali u istituzzjonali li għandu l-għan li jiġi ppreservat il-patrimonju kulturali tar-reġjun, jigu stabbiliti programmi ta kooperazzjoni b’mod partikolari fejn tidhol digitalizzazjoni ta’ kitba u programmi awdjovizivi, tiġi faċilitata l-mobiltà tal-artisti, tinholoq librerija digitali Mediterranja, jinholqu mekkanizmi ta’ investiment li jaghti appogg lis-settur kulturali, jigi zvilluppat turizmu kulturali permezz ta’ identifikazzjoni u zvilupp ta’ prodotti kulturali, u wkoll tinholoq sistema ta’ koordinament bejn il-Ministri tal-Kultura membri ta’ dan il-forum.
Dan l-investiment fil-qasam kulturali tar-reġjun mistenni jsaħħaħ ukoll il-kreattività artistika taż-żgħażagħ lokali, bil-għan fost oħrajn li dawn ikunu nvoluti aktar fil-komunitajiet lokali u reġjonali.