Fi stqarrija, Transport Malta qalet li qed tieħu azzjonijiet biex tindirizza t-tħassib u tnaqqas l-inċidenti fit-toroq f’Ħ’Attard, speċifikament fi Triq Tumas Chetcuti.
Fid-dawl tal-inċident riċenti li seħħ fiż-żona, u li fih tilfet ħajjitha Casey Sciberras, Transport Malta affermat mill-ġdid l-impenn tagħha biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq.
Transport Malta qalet li, ta’ kull sena, tirċievi bosta lmenti dwar veloċità eċċessiva fit-toroq, partikolarment matul il-lejl u filgħodu kmieni fi tmiem il-ġimgħa. Bħala parti mill-isforzi kontinwi tagħha biex tindirizza din il-kwistjoni, l-Awtorità żviluppat metodoloġiji ta’ valutazzjoni, kemm għal toroq eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda fuq in-netwerk TEN-T.
Għal toroq eżistenti li ilhom joperaw għal aktar minn tliet snin, Transport Malta ssegwi proċedura għal tpoġġija ta’ speed cameras fissi. Fil-każ ta’ toroq ġodda fuq in-netwerk TEN-T, bħall-proġett tas-Central Link, Transport Malta timxi b’mod metodoloġiku distint.
Il-proġett tas-Central Link huwa twil 4km u tlesta u nfetaħ kompletament għat-traffiku f’Jannar 2022. Fil-preżent, għaddej mill-istadju finali tal-proċess tal-Verifika tas-Sigurtà fit-Toroq. Biex twettaq din il-verifika, l-Infrastructure Malta kkummissjonat tim ta’ Verifika tas-Sigurtà fit-Toroq ibbażat fir-Renju Unit b’esperjenza kbira.
F’Marzu li għadda, it-tim tal-awditjar żar Malta u wettaq spezzjoni estensiva tas-sit tas-Central Link. Miżuri li jistgħu jiġu inklużi f’din iż-żona jinkludu soluzzjonijiet ta’ inġinerija, traffic calming techniques, jew rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ kontroll tal-veloċità, li jistgħu jinkludu l-introduzzjoni ta’ kameras tal-veloċità medji – suġġett li dwaru saru diskussjonijiet tekniċi u legali ma’ speċjalisti fil-qasam matul ix-xhur li għaddew.
It-Transport Malta qalet li, mingħajr dan l-għarfien, wieħed jirriskja li jibbaża d-deċiżjonijiet fuq informazzjoni mhux kompluta u li ma tħarisx b’mod ħolistiku lejn il-fatturi kollha.
Iċ-ċifri ta’ kontravvenzjoni tal-veloċità pprovduta mill-LESA juru biċ-ċar li, irrispettivament mill-preżenza tal-kameras tal-veloċità, persentaġġ żgħir ta’ sewwieqa jippersistu li jsuqu b’veloċitajiet għoljin.
Fl-istqarrija, it-Transport Malta fakkret ukoll li l-ispeed cameras mhumiex garanzija kontra l-imwiet fit-toroq u enfasizzat l-importanza li ilkoll kemm aħna nuru responsabbiltà lejn xulxin waqt li nosservaw il-liġijiet.
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Kunsill lokali ta’ Ħ’Attard, intlaqa’ b’aodisfazzjon il-fatt li l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, kellu laqgħa mas-Sindku, Stefan Cordina. Huma tkellmu rigward it-traffiku li jgħaddi mil-lokalità u t-talba tal-Kunsill għal aktar speed cameras u infurzar fit-toroq f’Ħ’Attard.