Christina Aguilera se tagħti kunċert b’xejn f’pajjiżna għall-EuroPride. Il-kunċert se ssir fis-16 ta’ Settembru li ġej fuq il-Fosos tal-Furjana.
Ħabbret dan il-President tal-Allied Rainbow Communities, Maria Azzopardi, li għamlet referenza wkoll għall-kalendarju mżewwaq ta’ attivitajiet li se jsiru madwar Malta u Għawdex f’din l-okkażjoni.
Il-Europride, bit-tema ‘Equality from the Heart’, se ssir f’pajjiżna bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru li ġej, bil-għan li mhux biss tattira eluf biex jiċċelebraw il-komunità LGBTIQ+ iżda wkoll biex tippromwovi messaġġ b’saħħtu u sservi ta’ ispirazzjoni għal individwi minn madwar id-dinja kollha.
Dwar dan, tkellmet aktar fid-dettall is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg. Hija spjegat ukoll li dan l-avveniment qed jiċċelebra r-riformi u l-liġijiet li daħlu fis-seħħ tul l-aħħar deċennju, li sawru lil pajjiżna f’mekka tal-inklużjoni. Fil-fatt, għat-tmien sena konskuttiva, pajjiżna klassifika fl-ewwel post fl-ILGA-Europe Rainbow Index, li jqis il-liġijiet u l-politika dwar l-ugwaljanza għall-persuni LGBTIQ+ f’pajjiżi Ewropej.
“Il-kunċert u l-artista li ħabbarna llum, ta’ fama internazzjonali, li dejjem użat il-pjattaforma tagħha sabiex twassal dan il-messaġġ, se jwassal ukoll messaġġ b’saħħtu: li l-aktar pajjiż ugwali fl-Ewropa, Malta, se tagħti l-messaġġ lill-pajjiżi kollha li huma ferm akbar fid-daqs, imma għadhom ma waslux fit-tragward li wasalna aħna.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll membri minn bosta għaqdiet li jippromwovu l-ugwaljanza, fosthom Allied Rainbow Communities, li huma l-organizzaturi tal-EuroPride. Il-President tal-għaqda esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan l-avveniment tant mistenni, wara tant ħidma li saret.
“Qed naħdmu biex tkun pjattaforma fejn il-komunità kollha jkollha post fejn tħossha safe, fejn tkun hi min hi u, ovvjament, bit-tama li minn dan l-avveniment noħorġu punti li se nkomplu naħdmu fuqhom sabiex inkomplu ntejbu l-komunità tagħna hawn Malta, il-liġijiet u l-kultura biex inkomplu mexjin ’il quddiem.”
Hija spjegat ukoll ir-rotta li se jaddotta l-Pride March għal din is-sena: minn Sant’ Iermu għall-Fosos tal-Furjana għall-kunċert.
Id-direttur artistiku tal-Europride, Toni Attard, stqarr li madwar 300 artist se jkunu qed jieħdu sehem f’dan l-avveniment, ilkoll b’tipi ta’ arti differenti.
Intant, ix-xahar id-dieħel, se jitħabbru aktar artisti u attivitajiet.