Il-golfer Andy Borg kompla bil-konsistenza tiegħu hekk kif wara li rebaħ il-Johnny Walker Scratch Challenge Cup, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kellu suċċess fir-Royal Malta Golf Club Championship.
Anke l-golfer żagħżugħ Noah Gratil kellu wirja tajba tant li rebaħ il-kompetizzjoni l-oħra li saret, dik tas-Centenary Plate li tintlagħab bil-handicap.
Borg kellu taqtiegħa ġmielha ma’ Ruud Critien u Noah Gratil bir-riżultat finali jkun inċert sal-aħħar.
L-ewwel jumejn ta’ dan il-kampjonat li jintlagħab bl-off scratch xejn ma kienu favorevoli għad-90 golfer li ħadu sehem minħabba temp instabbli bix-xita u r-riħ li ddominaw.
Fl-ewwel ġurnata, Ruud Critien mar ferm tajjeb hekk kif kellu score ta’ 2 under b’Noah Gratil u Andy Borg li wkoll irreġistraw punteġġ ta’ 69.
It-tieni ġurnata kellna aktar golfers li rreġistraw punteġġi interessanti b’Noah Gratil, Andy Borg, Ruud Critien u Nicky Beck li kellhom punteġġ simili ta’ 66.
It-tielet ġurnata kienet waħda ferm missielta fejn minkejja x-xita, il-golfers baqgħu ffukati sabiex jiksbu r-riżultat pożittiv tagħhom. Ruud Critien kellu punteġġ ta’ 70 b’Aleks Vagimov li rreġistra 68 punt, Andy Borg b’67 u JJ Micallef b’66.
Minkejja kollox kien l-istess Borg li kellu l-aqwa punteġġ kumplessiv fit-tlett ijiem sabiex ħareġ rebbieħ.
Fuq kollox, spikka l-golfer żagħżugħ Noah Gratil li għalkemm beda b’handicap ta’ tnejn, ta sfida lill-golfers oħrajn ferm aktar t’esperjenza minnu u eventwalment rebaħ is-Centenary Plate.
Fi tmiem it-turnament, il-kaptan Benjamin Mangion ippreżenta t-trofej lir-rebbieħa u lil dawk li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post.