Illum ġie iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta, biex jiġu konsolidati l-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Fakultà tal-Liġi se tqabbad studenti fil-livell ta’ Masters biex jidentifikaw il-liġijiet kollha marbuta mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u jaraw jekk humiex kompatibbli ma’ liġijiet ġenerali oħra eżistenti, bħal Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, il-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi Kriminali.
Dan l-eżerċizzju se jsir taħt is-superviżjoni tal-letturi. Fejn jinstab li hemm nuqqas ta’ kompatibilità, il-Fakultà tal-Liġi ser tressaq suġġerimenti dwar it-tibdil li jkun meħtieġ biex il-liġijiet ikunu jirriflettu aktar ir-realtajiet tal-lum.
L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Dan il-ftehim se jistabbilixxi sforz kollaborattiv bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, u l-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta biex ikun hemm ħidma aktar mill-qrib bejn iż-żewġ naħat fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-regolamentazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni.
Il-ftehim ġie iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Carlos Tabone, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J Vella, u d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, Dr Ivan Mifsud.