Software developer Ingliż ingħata sentenza sospiża u multa, b’rabta ma’ vjolenza fuq uffiċjali tal-pulizija u li għamel il-ħsara fuq mutur, waqt li kien fis-sakra, waqt btala f’pajjiżna.
Huwa ma jistax jitlaq minn pajjiżna qabel iħallas multa ta’ €5,000 u €1,711 biex isewwi l-ħsara li għamel fuq il-mutur.
Hugh David Templeton, li għandu 39 sena, wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom li kien fis-sakra, li kiser il-paċi pubblika, li kien vjolenti ma’ 3 uffiċjali tal-Pulizija u kif ukoll li wettaq ħsara ta’ €1,711 fuq il-mutur ta’ mara.
Barra minn hekk, huwa kien vjolenti wkoll ġewwa l-Isptar Mater Dei, fejn hedded 3 uffiċjali tal-Pulizija oħra u rreżistihom.
L-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia, qal li Templeton jiddispjaċih ta’ li għamel, iżda iddeskrivih bħala inċident xprunat mill-alkoħol.
B’hekk huwa ingħata s-sentenza sospiża, multa ta’ €5,000 u ġie ordnat iħallas €1,711 fi spejjeż.