Għal sena oħra, se tkun qed tiġi organizzata Festa Fjuri.
Din l-attività se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju filgħodu, fi Triq Anton Buttigieg u Pjazza Ninu Cremona, fl-Iklin.
It-tema għal din l-edizzjoni hija ‘Ħobb in-natura biex tibqa’ f’saħħtek’.
L-għan ewlieni ta’ din l-attività kulturali u edukattiva huwa l-promozzjoni tan-natura u l-importanza li nindukrawha.
Din l-idea ġiet imwellda mill-isem li ġġib din il-lokalità, hekk kif l-Iklin, hija x-xitla li f’Malta tikber faċilment u nsibuha f’diversi nħawi, inkluż f’din il-lokalità.
Din ix-xitla għandha l-benefiċċji tagħha għaliex għandha użu mal-ikel u x-xorb apparti li minn din ix-xitla jsiru wkoll żjut naturali.
L-attività hija mmirata għall-familja kollha hekk kif ser ikun hemm diversi stands armati bi fjuri friski, xtieli, u ħwawar.
Ġie spjegat li fl-ewwel nofs ta’ nhar ta’ filgħodu ser tittella’ sezzjoni ta’ Eco Cafe fejn numru ta’ kelliema ser jagħmlu preżentazzjoni dwar suġġetti varji, li jinkludu l-ekoloġija lokali, il-biodiversità, pjanti endemiċi Maltin, riċetti bl-użu tal-ħwawar u dwar l-użu ta’ essential oils magħmula mill-petali. Il-kelliema huma kollha esperti fis-settur u se tkun opportunità tajba għall-komunità biex tattendi u tisma’ tagħrif fuq dawn is-suġġetti.
Il-minority leader tal-Kunsil tal-Iklin, Bernice Farrugia ħeġġet lil pubbliku biex jattendi għal din l-attività.
“L-attività annwali festa fjuri reġgħet magħna, nhar is-Sibt bejn id-9am u s-2pm. Inħeġġiġkom tattendu għal diversi attivitajiet għal familja kollha. B’hekk se nżommu l-weda tagħna li nkomplu l-kommunità ġewwa l-Iklin. ”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Iklin li għal darb’oħra qed jorganizza din l-attività fil-qalba tal-komunità tagħhom.
“Permezz ta’ dawn l-attivitajiet soċjo-kulturali fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna, il-Kunsilli Lokali jarfu l-potenzjal tagħhom u jaqsmu flimkien mal-komunitajiet it-tajjeb u s-sabiħ li għadna fl-irħula tagħna.”