Ħamrun Ħanin u Alberta Group ħabbru l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni li permezz tiegħu se jaħdmu flimkien fl-impenn soċjali tagħhom matul is-sentejn li ġejjin.
Ħamrun Ħanin hija organizzazzjoni volontarja li taħdem biex permezz tal-logħba tal-futbol twassal benefiċċju fis-soċjetà, b’attivitajiet fil-qasam tal-inklużjoni, integrazzjoni, ħarsien tat-tfal, attiviżmu ambjentali u kwalità tal-ħajja aħjar. Riċentament, din l-organizzazzjoni ffirmat ftehim maċ-rebbieħa tal-kampjona lokali Ħamrun Spartans biex tieħu ħsieb il-ħidma soċjali ta’ dan il-klabb.
Bl-appoġġ ta’ Alberta Group, Ħamrun Ħanin se tkun tista’ tifrex l-iskop tal-attivitajiet tagħha biex tilħaq aktar membri marġinalizzati f’pajjiżna, inkluż dawk li jiltaqgħu ma’ diskriminazzjoni minħabba diżabilità, etniċità jew iktar.
Ian Debattista, Chairperson ta’ Ħamrun Ħanin qal: “Aħna nesprimu l-apprezzament għall-appoġġ u l-fiduċja mogħtija lilna minn Alberta Group li għarfet il-ħidma volontarja tagħna favur soċjetà aktar inklussiva. Din il-kollaborazzjoni tagħtina l-għodda biex insaħħu l-isforzi tagħna biex nilħqu lil min hu l-aktar fil-bżonn u nippromwovu attivitajiet li jinkoraġġixxu kwalita’ tal-ħajja aktar b’saħħitha”.
Adrian Cutajar, Commercial Manager ta’ Alberta Group qal: “Bħala Alberta Group ninsabu kuntenti li nissieħbu f’din il-kollaborazzjoni soċjali ma’ Ħamrun Ħanin, taħt l-umbrella tal-inizjattivi tas-CSR tagħna. Hekk kif qed nindirizzaw dak li nagħmlu mal-bżonnijiet tas-soċjetà, qed nagħmlu l-almu tagħna biex noħorġu l-potenzjal tal-ġenerazzjoni l-ġdida permezz tal-isport.
Għaċ-ċerimonja tal-iffirmar attenda wkoll l-plejer ta’ Ħamrun Spartans FC Matthew Guillaumier li riċentement kien ippremjat bħala l-Plejer tas-Sena tal-MFA għat-tieni darba fil-karriera. Guillaumier kien ta’ appoġġ kbir għall-attivitajiet ta’ Ħamrun Ħanin u ħa sehem f’għadd ta’ attivitajiet tagħha fl-ewwel xhur sa mit-twaqqif tagħha.
Alberta Group se tkun qed tappoġġja lill-Ħamrun Ħanin mhux biss b’għotja finanzjarja iżda wkoll bil-parteċipazzjoni personali tal-impjegati tagħha waqt attivitajiet organizzati minn din l-organizzazzjoni volontarja.