Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, elenka l-vantaġġi li pajjiżna qed jikseb permezz tal-ftehim ta’ marketing li l-Awtorità għat-Turiżmu ffirmat mal-Giro d’Italia. Din it-tiġrija annwali tar-roti ssir madwar l-Italja kollha u hija meqjusa bħala waħda mill-aktar kompetizzjonijiet importanti fis-settur taċ-ċikliżmu.
Fi tweġiba għal interpellanza parlamentari, il-Ministru Bartolo qal li l-valur tal-ftehim huwa ta’ €230,000 u b’dawn il-flus qed jintlaħqu mal-65 miljun ruħ meta wieħed iqis biss il-mezz tat-televiżjoni.
Għal dan l-investiment, il-marka VisitMalta qed tikseb promozzjoni estensiva matul it-tappi kollha tal-Giro. Din il-promozzjoni tinkludi reklam tal-VisitMalta, fil-forma ta’ arkata, fil-punt tal-35km tat-tellieqa; strixxuni vertikali bir-reklam ta’ VisitMalta fis-6, fis-7, fit-8, u fid-9 km tat-tellieqa; 90 metru ta’ strixxuni ta’ reklamar tul it-tiġrija; 24 metru ta’ tabelli mwaħħlin ħdejn il-finish line tat-tellieqa; kif ukoll gażebo fil-bidu u fl-aħħar ta’ kull tellieqa minn fejn jitqassam materjal promozzjonali ta’ Malta.
Filwaqt li fakkar li l-Italja hija suq importanti ħafna minn fejn jiġi t-turiżmu lejn Malta, il-Ministru Bartolo osserva li dawn it-tappi tal-Giro d’Italia qed jiġu trażmessi b’mod dirett mit-televiżjoni Taljana RAI u mill-Eurosport. Barra minn hekk, jingħataw live feeds lil madwar 200 stazzjon televiżiv ieħor madwar id-dinja.
Din il-kopertura huwa stmat li tlaħħaq udjenza ta’ madwar 65 miljun ruħ, matul il-112-il siegħa ta’ trażmissjoni.
Apparti dan, qed issir ukoll promozzjoni diġitali fuq diversi pjattaformi tal-midja soċjali fosthom Facebook, Tik Tok, u Instagram, fuq il-website tal-Giro, fil-Gazzetta dello Sport u fuq Tutto Bici. Il-VisitMalta qed tingħata wkoll promozzjoni fuq il-midja stampata fosthom ir-rivisti prominenti Bell’Italia u Sportweek.