Fl-Ewropa huwa stmat li l-obeżita` tiswa mas-€70 biljun fis-sena f’servizzi tas-saħħa u produttivita` mitlufa. Il-piż sħiħ ta’ din il-problema aktarx li huwa ogħla, għax l-obeżita` tikkawża mard ieħor bħad-dijabete, mard tal-qalb u kanċer. Waqt li indirizza seminar fil-Parlament Ewropew fuq “Il-ġlieda kontra l-piż tal-obeżita`” l-Ewroparlamentari Alfred Sant qal li biex nindirizzaw din l-isfida minn Brussell irridu nistaqsu: kif se nassistu l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali biex jegħlbu din il-marda permezz ta’ strateġija fuq livell Ewropew? Hemm bżonn ta’ azzjoni ħolistika u b’saħħitha li tinkludi għanijiet fit-tul.
Ikun tajjeb li kieku jkun hemm il-prevenzjoni bi strateġija li tolqot direttament il-kawżi ta’ din il-problema u l-impatt tagħhom. L-Unjoni Ewropea tista’ taħdem fuq kampanja ta’ informazzjoni dwar kif tista’ tingħeleb din il-marda, tappoġġja ikel li hu sustanzjuż, tagħti inċentivi favur l-attivita’ fiżika u toffri servizz ta’ għajnuna lil pazjenti individwali.
“Jien li ġej minn Malta, għandi interess personali u anki nazzjonali. Fl-istħarriġ tal-Eurostat ta’ Ottubru 2016 instab li Malta għandha l-ogħla numru ta’ adulti obeżi fl-Unjoni Ewropea. Ninsab kuntent li l-Presidenza Maltija qed tagħti prijorita` lill-obeżita`, billi qed tiffoka fuq l-obeżita` fit-tfal. Fost prijoritajiet oħra Malta se tfittex li tlesti l-Pjan ta’ Azzjoni mibdi taħt il-Presidenza Griega fi Frar tal-2014. Qed tippjana wkoll li tiżgura li jitlestew u jkunu mnedija l-linji gwida dwar l-ikel fl-iskejjel. Meta f’Marzu li ġej jiltaqgħu l-Ministri tas-Saħħa għal-laqgħa informali, Malta beħsiebha tagħti prijorita` lill-obeżita` fit-tfal fl-aġenda tagħha. F’dan kollu hemm urġenza kbira li mill-paroli ngħaddu għall-fatti.” qal Dr Sant.
Dr Alfred Sant qal li d-dimensjoni soċjali hija fattur importanti ħafna tal-marda. Dan għaliex il-marda tirrifletti l-kundizzjonijiet li ġew wara l-industrijalizzazzjoni. Hija aktar komuni fil-faxxa l-aktar fqira tas-soċjeta`. Il-fatti juru li żjieda fid-disparitajiet soċjo-ekonomiċi hija marbuta ma’ livell għoli ta’ obeżita`.
“Fit-tweġibiet ta’ numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li issottomettejt jien, il-Kummissjoni Ewropea ikkonfermat relazzjoni bejn l-inċidenza tal-obeżita` u l-faxxa soċjo-ekonomika l-aktar batuta fl-Ewropa. Lil hinn mid-dimensjoni medika u soċjali, l-isfida li qed naffaċċjaw hija wkoll waħda finanzjarja. Laqgħat bħal din tal-lum isiru bil-ħsieb li titqajjem kuxjenza permezz ta’ pjan ħolistiku li jqarreb flimkien tobba, psikologi, soċjologi, ekonomisti, politiċi fost oħrajn. Qed tiżdied ir-rieda politika favur qbil dwar strateġiji u pjanijiet li japplikaw għal familji u s-soċjetajiet tagħna.”
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed issejjaħ l-Obesita` epidemija. Fid-dinja l-obesita’ hija l-ħames fattur li jikkawża imwiet. L-istħarriġ juri li tnejn u erbgħin miljun tifel u tifla huma obeżi. Sebgħin miljun għandhom piż żejjed. Tbassir għas-sena 2030 jgħid li aktar min-nofs tal-popolazzjonijiet fid-dinja se jkollhom piż żejjed. Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, iż-żieda fil-ħxuna hija relatata ma’ żjieda fil-konsum ta’ ikel mimli xaħmijiet jew zokkor; żjieda fil-konsum ta’ ikel proċessat u konsum anqas ta’ frott, ħaxix u legumi flimkien ma’ ħajja dejjem aktar sedentarja.