Hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tikkommemora t-30 anniversarju tas-Suq Uniku Ewropew, Malta appellat għat-tneħħija ta’ xkiel addizzjonali relatat mat-trasport u li għadu jeżisti għan-negozji li joperaw f’partijiet remoti u fil-periferija tal-UE, proprju bħalma hija Maltastess. Dawn iż-żoni għadhom qed jaffaċċjaw sfidi sinifikanti li spiss jirrenduhom mhux kompetittivi.
Dan il-punt qajmu fi Brussell il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, waqt laqgħa tal-Ministri tal-Istati membri tal-UE responsabbli mill-kompetittività. Huwa appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja dan il-fenomenu aktar bir-reqqa fil-livell tal-UE u tipproponi soluzzjonijiet strateġiċi effettivi.