Appoġġ lill-istudenti li jiffurmaw parti mill-kontinġent Malti fil-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa li se jiftaħ f’Malta l-ġimgħa d-dieħla.
Fil-Junior College saret konferenza stampa li fiha atleti li huma studenti fl-Università ta’ Malta jew fil-Junior College irċevew dikjarazzjonjiet ta’ sapport tal-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni u l-Isport, Clifton Grima; mir-Rettur tal-Università Alfred J. Vella; mill-Prinċipal tal-Junior College, Paul Xuereb; mill-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar; mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello; u minn Bertie Muscat, eks atleta u llum membru tal-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti.
Min-naħa tieħu, Bertie Muscat kellu kliem ta’ tifħir għall-atleti li ntgħażlu biex jirrappreżentaw lil pajjiżna u saħaq li għandhom ikomplu jirsistu u jaqbżu l-aspettattivi li għandhom. Huwa tkellem dwar kemm hu importanti li Malta tieħu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali, fejn l-atleti jingħataw pjattaforma fejn ikunu jistgħu juru l-ħiliet sportivi tagħhom.
Waqt l-avveniment ġie mniedi l-ktieb ‘Bertie Muscat – My Memoirs’. Huwa kien implimenta riformi li taw spinta lill-isport Malti u kien strumentali fil-bidu tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa.
Francesca Catania u Kris Samwel Bartolo, huma tnejn mill-atleti Maltin li se jkunu qegħdin jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-isport tal-Judo.
Francesca Catania qalet lil ONE News li mhix faċli li tkun student filwaqt li tipprattika b’mod professjonali sport għal qalbek iżda, grazzi għad-determinazzjoni u l-iskemi favur l-istudenti, dan isir possibbli. Min-naħa tiegħu, l-atleta Kris Samwel Bartolo tkellem dwar xi jtisser li tkun atleta u li tirrappreżenta lil pajjiżek.
“Bħalissa qiegħda l-Università u hemm skema jgħidulha Student Athlete Support Programme. B’din l-iskema jien inkun nista’ nsiefer meta jkolli bżonn għal training camps u competitions u dik tgħinni ħafna bħala atleta fil-judo biex inkun nista’ navvanza fil-karriera tiegħi.”
“Fiżikament u anki emozzjonalment tinbidel ħafna u ssir iktar iddixiplinat u jagħtik post ieħor fejn tista’ tikber u timmatura bħala persuna.”
Il-Ministru Clifton Grima awgura lill-atleti kollha li huma eżempju ċar ta’ kif wieħed għandu jirsisti u jkollu l-ambizzjoni sportiva. Huwa saħaq fuq l-importanza li wieħed jikseb l-aqwa riżultati sabiex il-ġenerazzjonijiet tal-futur ikollhom mudelli li jispirawhom biex jirnexxu. Huwa għamel refrenza wkoll għall-investimenti kbir li qed isir fil-qasam sportiv Malti.
“Jirappreżentawna b’suċċess u, għalfejn le, jirbħu l-midalji u nisimgħu l-Innu Malti.”