Meta indirizza konferenza dwar l-ippjanar tal-art u l-ispazji f’pajjiżna, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, tkellem dwar l-impenn tal-Gvern li l-Ippjanar isir bi ħsieb u jagħti kas tal-aspett ekonomiku, dak soċjali, u dak ambjentali.
Huwa tkellem fil-kuntest tal-żvilupp li seħħ f’pajjiżna fl-aħħar snin, li jirrifletti ż-żieda kbira fl-attivita ekonomika ta’ pajjiżna.
Il-Ministru qal li l-Gvern huwa impenjat li, b’sens realistiku u li jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna, il-Gvern huwa impenjat li jisma’ l-proposti ta’ kulħadd sabiex jibqa’ jsir progress fil-qasam tal-ippjanar f’pajjiżna.
Il-konferenza, bit-tema ‘Spatial Planning: Governance for the 21st Century’, ġiet organizzata mill-Kamra Maltija għall-Ippjanar, l-Università ta’ Malta, u l-Kunsill Ewropew għall-Ippjanar tal-Ispazji. Fiha saret enfasi fuq l-importanza ta’ ppjanar bi ħsieb kif ukoll tal-irwol ta’ dawk li jippjanaw. Fost it-temi diskussi kien hemm iż-żieda fil-popolazzjoni u l-impatt tagħha fuq il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u fuq l-ippjanar fil-pajjiż.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma kif l-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa għaddejja b’eżerċizzju sabiex taġġorna l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp, li huwa dokument meħtieġ biex ikun hemm analiżi ta’ dak li se jkun meħtieġ f’pajjiżna fiż-żmien li ġej.
“Żgur li din l-okkażjoni ta’ dalgħodu, kienet opportunità biex naqsmu l-ħsibijiet dwar kif insaħħu l-irwol tal-ippjanar f’pajjiżna, kif ukoll l-irwol importanti li għandhom il-planners, billi anke huma jagħtu kontribut biex dan immexxuh aktar ’il quddiem. Żgur li f’pajjiżna għandna diversi sfidi quddiemna, u rridu nkunu attenti u kawti kif dawn l-isfidi nindirizzawhom flimkien, biex ikollna l-aħjar ippjanar possibli.”
Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Ewropew għall-Ippjanar tal-Ispazji, il-Professur Janet Askrew, faħħret l-impenn ta’ pajjiżna fis-settur tal-ippjanar.