Bħala parti mill-pjan tal-Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli, li se tiġi ppubblikata aktar tard din is-sena, il-Gvern qed jimmira li jkabbar l-art agrikola intenzjonata għal prodotti organiċi bi kważi għaxar darbiet milli hi attwalment.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li, minn tagħrif li rnexxielha tikseb, jirriżulta li l-pjan hu li, sa seba’ snin oħra, il-persentaġġ tal-art li tinħadem għal skop agrikolu li jintuża għat-tkabbir tal-prodotti organiċi mistenni jitla’ miz-0.58 fil-mija ta’ bħalissa għal ħamsa fil-mija.
Għal dan il-għan, il-produtturi se jiġu offruti skemi ta’ finanzjament b’rati aktar għoljin minn qatt qabel, kemm għal dawk li jikkonvertu għall-ħidma organika kif ukoll għall-manutenzjoni tal-istess produzzjoni.
Il-Kulħadd ħabbret li, minbarra kumpens finanzjarju, il-pjan Malti se jkun qed jipprovdi l-għodda neċessarja biex il-produtturi u dawk involuti fis-settur lokali jibbenefikaw minn appoġġ f’taħriġ u pariri professjonali, bħal assistenza lill-bdiewa u lin-negozju fis-settur agroalimentari għal qligħ xieraq f’ħidmiethom.
Dan kollu hu konformi mal-viżjoni li Malta timxi lejn futur fejn il-produzzjoni lokali tal-prodotti organiċi tibqa’ attiva u vijabbli ekonomikament.
Fl-istess waqt, issir bidla fil-kultura tal-ikel, b’konsum akbar ta’ ikel lokali, aktar ugwaljanza fid-dieta individwali u tisħiħ tar-reżiljenza u s-sigurtà tal-ikel bl-ipproċessar ta’ prodotti ta’ kwalità u inizjattivi fir-riċerka, l-innovazzjoni u prattiċi li jnaqqsu l-impatti fuq il-klima.