Senglea Gunners rebħu l-kampjonat Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni meta fl-aħħar logħba tal-kampjonat li lagħbu kontra l-isfidanti l-oħrajn Marsa St Michael ħadu l-punt li kellhom bżonn sabiex wettqu t-tragward tagħhom. Il-logħba spiċċat fi draw ta’ 0-0.
Kienet logħba ferm mistennija b’Senglea li kellhom punt vantaġġ fuq il-Marsin li kellhom bżonn rebħa sabiex jieħdu l-kampjonat. Il-partita kienet ferm tattika, milgħuba ħafna drabi f’nofs il-grawnd u b’azzjonijiet ftit li xejn.
Marsa ħolqu xi periklu b’xuttijiet ta’ Uchechi Chidozie u Anthony Ewurum b’Ludvic Fardell bejn il-lasti Sengleani dejjem kien attent.
Fuq in-naħa l-oħra, il-keeper Jurgen Cilia kien attent b’tentattivi ta’ Lamin Jaiteh u Seedy Fofana.
Fl-aħħar mill-aħħar ma skorja ħadd sabiex il-Gunners setgħu jiċċelebraw it-tieni kampjonat tagħhom fil-MAFA bil-qofol jintlaħaq meta r-rappreżentant mid-ditta Mochika Ray Taliana ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Senglea Gunners Ludvic Fardell. Referee kien Raiden Psaila.
Valletta St Paul’s spiċċaw il-kampjonat tagħhom fit-tieni post tal-klassifika u saħansitra qabżu lil Marsa St Michael fid-differenza tal-gowls meta xxalaw u għelbu lit-tim diġa’ relegat ta’ Mqabba Albions.
Ivan Martinez kien il-protagonista prinċipali għall-Beltin meta skorja tripletta filwaqt li Radovan Duric kien awtur ta’ doppjetta. Gary Tanti u Georg Benitez għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Mqabba Albions skorjaw l-uniku gowl tagħhom permezz ta’ Mark Farrugia. Referee kien Renald Portelli.
Iċ-champions preċedenti temmew il-kampjonat bl-aqwa mod possibbli meta għelbu lit-tim diġa’ relegat ta’ Żebbuġ Youngsters bl-iskor ta’ 2-0.
Is-Saints skorjaw gowl f’kull taqsima sabiex aċċertaw li jispiċċaw fir-raba’ post tal-klassifika.
Matthew Newton poġġihom fil-vantaġġ fl-24 minuta filwaqt li Philip Taylor irdoppja l-iskor kmieni fit-tieni taqsima.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
San Ġwann Pro Evolution Academy temmew kampjonat li kien sodisfaċenti fl-ewwel staġun tagħhom mal-kbar meta għelbu lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa 4-1.
L-istudenti Franċiżi kienu diġa’ 3-1 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex fit-tieni waħda amministraw sew il-logħba.
Samuel Martin poġġihom fil-vantaġġ sabiex man-nofs siegħa logħob, il-Franċiżi skorjaw żewġ gowls oħra minn Jules Martin Maire u Bryan Steven Makel b’Nicolas Penaloza jnaqqas il-marġni tal-iskor għat-tim minn Tal-Qroqq.
Elson Zogejani għamel l-iskor finali ta’ 4-1.
Referee kien Georgi Bitri.
Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Għaxaq Wolves rebħu l-kampjonat wara li għelbu l-isfida diretta ta’ Attard Edex Kings 4-2.
Kienet logħba ferm sabiħa b’Attard li kienu fl-ewwel post tal-klassifika punt vantaġġ fuq l-Għaxqin li riedu rebħa akkost ta’ kollox biex jgħollu t-tazza.
Attard fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ fit-23 minuta permezz ta’ Obelis Cuero li b’xutt għar-rokna għeleb lil Oliver Grixti bejn il-lasti Għaxqin.
Ir-reazzjoni ta’ Għaxaq Wolves kienet waħda immedjata hekk kif skorjaw il-gowl tad-dro minn Diego Pereira b’daqqa ta’ ras.
Attard reġgħu marru minn fuq fit-32 minuta permezz ta’ Deison Cuero li b’xutt minn barra l-kaxxa ħasad lil Grixti għal 2-1 u hekk intemmet l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, il-Wolves fetħu tajjeb ġabu d-draw minn Diego Fernando Pereira b’xutt tajjeb, bl-istess plejer ipoġġi saħansitra lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.
Attard xeħtu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu l-gowl li jtihom il-kampjonat iżda bil-kontra kienu Għaxaq li ssiġġillaw ir-rebħa meta kien l-aħjar plejer fil-grawnd Diego Fernando Pereira li qassam lil Klose Conti Azzopardi li avvanza tajjeb u wara li qabeż lill-goalkeeper, iddepożita l-ballun fix-xibka.
Fi tmiem il-konfront, il-viċi-president tal-MFA Adrian Casha ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ .
Referee kien Darko Stankovic.
KLASSIFIKA FINALI – MOCHIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Senglea Gunners 28, Valletta St Paul’s, Marsa St Michael 27, San Ġiljan Saints 23, San Ġwann Pro Evolution Academy 22, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 17, Mqabba Albions 11, Żebbuġ Youngsters 1.
KLASSIFIKA FINALI – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 29, Attard Edex Kings 27, Buġibba Club de SWAT 20, Gżira United Sports Club 15, Ħamrun Amateurs 10, Fgura Spartans 2.