Il-Kap Nazzjonalista kompla jinsisti li l-programm elettorali li ppreżenta s-sena l-oħra qabel l-elezzjoni ġenerali huwa l-pjan li għandu jimxi bih il-pajjiż.
Fi kliemu waqt intervista fuq l-istazzjon tiegħu flok l-attività politika li kellu jagħmel, huwa qal li ħareġ bil-pjan wara riċerka kbira.
Qal, “Aħna l-viżjoni tagħna tagħmel sens, hija riċerkata.”
Huwa qal hekk minkejja li anki l-midja għal bosta drabi kienet irrimarkat li l-programm ta’ Bernard Grech huwa xejn barra riċerkat.
Dan hekk kif għal bosta drabi l-midja kienet innutat żbalji ta’ wegħdiet ripetuti fil-programm elettorali li lanqas costings ma kellu meta kienu marru jivvutaw in-nies biex jeleġġu Gvern.
Imbagħad Grech kompla jkun ankrat fil-passat u jgħid li tiegħu kollu tajjeb u ta’ ħaddieħor, ħażin.
Fil-fatt qal li l-qagħda fiskali b’saħħitha li ġab Gvern Laburista hu bis-saħħa tal-Gvern ta’ GonziPN.
Qal, “Tiftakru kemm kienu qegħdin jiftaħru li ġabu surplus għal sena, sentejn. Ovvjament wara l-għaqal li kien hemm taħt Gvern Nazzjonalista.”
Dan qalu fi sfond li Malta taħt il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi kien iddaħħal fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-dejn nazzjonali mqabbel mal-ekonomija kien jiżboq is-sebgħin fil-mija fi kriżi ferm iżgħar minn dik li affaċċja l-pajjiż u d-dinja riċentament b’pandemija u issa gwerra fl-Ukrajna.
Fil-fatt fl-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea li ġie mbassar li Malta se jkollha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa ngħad ukoll li minkejja l-għajnuna qawwija li qed jagħti l-Gvern preżenti favur prezzijiet stabbli tal-enerġija, id-dejn se jibqa’ ferm taħt is-sittin fil-mija mqabbel mal-prodott domestiku gross.
Iżda f’intervista ta’ nofs siegħa, Grech kompla jgiddeb saħansitra wkoll l-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali li wera biċ-ċar kif kważi nofs il-flus li marru għand il-konċessjonarju tal-isptarijiet, jiġifieri aktar minn mija u tmienja u tmenin miljun ewro, marru għas-salarji tal-ħaddiema li taw servizz tas-saħħa.
Bernard Grech mhux biss għawweġ il-fatti iżda nfexx jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela u lil Malta, billi kompla jgħidilha li hi l-agħar.
Qal, “L-agħar, l-agħar fl-Ewropa.”
Dan qalu fl-istess ġimgħa meta tbassir ekonomiku għar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea sostna li pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku, din is-sena u s-sena d-dieħla.