Stefan Caruana hu s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista u jirriżulta li issa ilu f’din il-kariga għal kważi erba’ xhur bi ksur tal-istatut tal-istess partit.
Irrapurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, fejn qalet li sorsi fid-Dar Ċentrali spjegaw u fakkru kif Caruana daħal fil-kariga wara li l-predeċessur tiegħu, Rudolph Marmara, kien fost ħafna li rriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista mindu laħaq Kap Bernard Grech.
Is-sorsi indikaw li, tant kemm fil-Partit Nazzjonalista m’hemmx ħjiel jew kontroll ta’ dak li qed jiġri, b’mod partikolari mill-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, Stefan Caruana qed jokkupa r-rwol li ngħatalu bi ksur dirett tal-istatut.
Fost l-oħrajn, l-istatut Nazzjonalista, f’artikolu 48.2, jgħid li persuna fil-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv ma tistax tkun magħżula minn fost il-kunsillieri lokali, mentri Caruana għadu sal-lum jifforma parti mit-tmexxija tal-Kunsill tal-Gudja, bħala minority leader.
Teknikament dan kien ifisser li Caruana kellu saħanasitra jirriżenja mill-pożizzjoni fil-Kunsill Lokali qabel aċċetta l-kariga amministrattiva fil-Partit.
Għalkemm wieħed stenna li tal-inqas jirregola ruħu ladarba jkun sab postu fir-rwol il-ġdid, sal-lum dan għadu ma seħħx.
Filfatt, din hi xi ħaġa li Caruana m’għamilx u għal darb’oħra fil-Partit tal-maduma hemm min qed isostni li din hi waħda minn ħafna affarijiet li s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino ġie jaqa’ u jqum minnhom. Is-sorsi tennew li, sakemm xi ħaġa ma taffettwax lilu direttament, Piccinino mhu jagħti kas ta’ xejn.
Bil-maqlub, “fejn jikkonċernah, hemm anke konfużjoni joħloq” saħqu s-sorsi, waqt li rreferew għall-ġlied kbir li kien hemm riċentament fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.
Il-Kap Bernard Grech jaf mhux konxju ta’ x’inhu għaddej, xtaqu jenfasizzaw l-istess is-sorsi, għalkemm ma kkummentawx meta ffaċċjati bil-mistoqsija jekk dan allura jirriflettix nuqqas ta’ kapaċità fit-tmexxija.
Sadanittant, minn din il-kwistjoni kollha biex imliet pożizzjoni fil-partit, jidher li qed ibati wkoll il-Kunsill Lokali tal-Gudja. Il-KullĦadd qalet li hi infurmata li Caruana mhux jattendi kontinwament il-laqgħat bħala rappreżentant tal-poplu Gudjan elett fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, erba’ snin ilu.
Kemm-il darba Caruana jirriżenja mill-Kunsill Lokali mhux biss dan isir magħruf pubblikament, iżda minfloku jkun irid jiġi co-opted xi ħadd ieħor mill-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant jidher li l-Partit Nazzjonalista sab problema hemm ukoll.