“Se nibqgħu l-Partit tal-bidla. Partit b’viżjoni ta’ fejn irid jieħu lill-pajjiż. Gvern li jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk.
Fid-diskors tiegħu huwa nnota kif il-poplu dejjem jaf fejn qiegħed ma’ Gvern Laburista għaliex il-wegħdiet jitwettqu.
Dan filwaqt li dan il-Gvern huwa umli u fejn seta’ sar aħjar jaħdem biex jirriforma lil pajjiżna.
B’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Awditur Ġenerali Dr Abela rrimarka kif dan ikkonferma li l-Gvern qiegħed jaħdem differenti.
Dr Abela stqarr li mill-2020 ‘l hawn dejjem żamm l-istess pożizzjoni, li kkonfermaha l-Awditur Ġenerali.
Hawnhekk il-Prim Ministru nnota kif ir-rapport tkellem dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti ma’ Steward; dik li l-obligazzjonijiet tagħhom għandhom jonorawhom.
Dr Abela iżda fakkar kif din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni ma riditx li tiddiskuti r-rapport fil-Parlament ftit wara li ġie ppublikat.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern immexxi minnu qiegħed kostantament iħares l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dan qiegħed isir kemm fil-Qorti u anki f’istanzi lil hinn mill-pajjiż.
Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-għan tal-Gvern huwa li jkompli jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa, jissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema u li jimplimenta viżjoni għall-futur ta’ dawn l-isptarijiet.
Dr Abela kkuntrasta dan l-aġir tal-Gvern ma’ dak tal-Oppożizzjoni li hija mhedija fil-logħob politiku partiġġjan.
Il-Mexxej Laburista stqarr li l-Partit Laburista reġa’ kiseb il-fiduċja meta beda jitkellem dwar kif jista’ jbiddel lil dan il-pajjiż u mhux biss jikkritika lill-Gvern tal-ġurnata.
L-istess jista’ jingħad illum li l-Partit Laburista fil-Gvern irid jibqa’ jaħseb dwar fejn irid jieħu lil dan il-pajjiż fil-futur. Dan jista’ jsir biss jekk jittieħdu d-deċiżjonijiet wara li ssir il-konsultazzjoni neċessarja.
Hawnhekk Dr Abela fakkar fil-kisbiet ta’ dan il-Gvern li għandhom ikomplu jixprunaw aktar għatx għall-bidla fil-ġejjieni.
Huwa nnota dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa fejn fost l-oħrajn innotat is-saħħa ta’ pajjiżna fejn jidħol il-qasam tax-xogħol.
Dr Abela nnota li din hija prova tal-politika tal-Gvern li tirrifletti l-prinċipji tal-Partit Laburista.
Huwa nnota wkoll dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea fejn irrevediet it-tbassir ekonomiku ta’ pajjiżna hekk kif din irrevedietu ‘l fuq.
Il-Prim Ministru attribwixxa din l-aħbar għall-fiduċja li l-Gvern għandu fil-poplu Malti u Għawdxi fejn elenka numru ta’ miżuri bħaċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa u l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Dr Abela nnota wkoll il-mod ta’ kif qed titmexxa l-ekonomija ta’ pajjiżna marbuta mal-COLA li ġiet ikkritikata, ġie stabbilit mekkaniżmu addizzjonali biex jagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja.
Minn dan il-mekkaniżmu bbenefikaw 48,000 familja fl-aħħar sena.
Dan apparti ż-żidiet fiċ-children’s allowance u t-titjib fl-in-work benefit, fost l-oħrajn.
Dr Abela nnota kif dan huwa turija ċara kif din l-amministazjoni għandha l-kredenzjali meħtieġa biex tmexxi l-ekonomija ta’ pajjiżna.
B’rabta mal-Kunsill tal-Ewropa, l-Prim Ministru spjega kif mexxejja Ewropej innutaw is-suċċess ta’ pajjiżna b’rabta mad-drittijiet ċivili fejn sostna kif pajjiżna minkejja li jinsab l-ewwel f’dan il-qasam għad fadallu x’jagħmel.
Lil hinn minn dan il-qasam, il-Prim Ministru nnota kif pajjiżna ospita l-Med9 fejn wera li huwa katalist fejn tidħol l-enerġija fir-reġjun tal-Mediterran.
Dwar dan is-settur Dr Abela stqarr kif dan ir-reġjun irid ikun hub għall-enerġija nadifa u d-dekarbonizzazzjoni fost għanijiet oħra.
Il-Ministru sostna kif dan jista’ jsir billi pajjiżna jimplimenta numru ta’ proġetti innvattivi f’dan il-qasam.
Apparti l-istabbiltà fil-provvista tal-enerġija, Dr Abela tkellem dwar l-importanza li għandu l-ambjent f’dan il-qasam.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riforma fil-qasam tal-agrikoltura b’rabta mal-qbiela. Din ir-riforma li ġiet imfaħħara minn diversi esperti li kkunsidarawha bħala l-akbar riforma li qatt saret f’dan il-qasam.
Dr Abela innota kif fl-ewwel sena l-Gvern wettaq diversi mizuri elettorali maġġuri u sostna kif se jkomplu jiġu implimentati aktar proġetti fil-futur.
B’rabta mal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jiġu osptitati f’pajjiżna il-Prim Ministru stqarr kif il-poplu għandu jingħaqad wara l-atleti Maltin.
Dan hekk kif dan il-logħob se jkun qed isir f’diversi faċilitajiet ġodda li juru l-impenn tal-Gvern fil-qasam sportiv madwar Malta u Għawdex.
Dr Abela nnota kif dan huwa investiment li juri l-ambizzjonijiet ta’ pajjiżna.
Il-Mexxej Laburista nnota kif dan il-Gvern se jibqa’ iffukat fuq kif se jkompli joħloq l-ġid għan-nies.
Dr Abela rringrazzja wkoll lill-erba’ Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista li qed ikompli jaħdmu favur pajjiżna.
Huwa faħħar ukoll il-kisba tad-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne li se jkun qiegħed jinħatar bħala President tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa.
Dawn il-ħidmiet kienu kkunsidrati mill-Prim Ministru bħala importanti għal pajjiżna li jkun irrapreżentat f’fora lil hinn minn pajjiżna.
Dan filwaqt li lokalment il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jaħdem għall-Budget li jmiss li se jkompli jtejjeb il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dr Abela wiegħed kif il-Gvern immexxi minnu se jibqa’ jaħdem favur pajjiżna għaliex għandu fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi.