L-Awtorità tal-Ippjanar spjegat il-fatti quddiem dikjarazzjonijiet li qed jiċċirkulaw u li xi drabi qed jagħtu interpretazzjoni skorretta tal-fatti rigward artijiet mhux mibnija li kienu ġew iddikjarati żviluppabbli b’riżultat tal-Pjan Lokali tal-2006.
Fi stqarrija, l-Awtorità fakkret li fl-2006, il-gvern ta’ dak iż-żmien għamel emendi fil-pjani lokali li permezz tagħhom numru ta’ siti mhux mibnija madwar Malta u Għawdex ġew inklużi biex ikunu parti miż-żona ta’ żvilupp. Dawn is-siti jinsabu ħdejn żoni mibnija u f’ċerti każijiet kienu art agrikola. Mill-2006 ’l quddiem, dawn is-siti ma baqgħux ikkunsidrati bħala barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) iżda saru parti miż-żona tal-iżvilupp.
L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li, meta fl-2006 sar dan il-proċess, sar mingħajr parametri ta’ ppjanar. Għaldaqstant, qabel ma sid ta’ art minn dawn ikun jista’ jissottometti applikazzjoni biex jiżviluppaha skont il-liġi, irid jitfa’ applikazzjoni hekk imsejħa “tal-kontroll tal-ippjanar” (planning control application). Fiha jrid jipproponi x’jistgħu jkunu l-parametri tal-ippjanar għas-sit.
Il-parametri tal-ippjanar għal siti li jinsabu fiż-żona tal-iżvilupp jinkludu x’inhu l-għoli potenzjali tal-bini fis-sit, liema użi jistgħu jiġu kkunsidrati (ngħidu aħna residenzjali, kummerċjali, jew użu mħallat), u liema parti – jekk ikun hemm – tas-sit għandha tibqa’ mhux mibnija.
L-Awtorità, min-naħa tagħha, tevalwa l-applikazzjoni tal-kontroll tal-ippjanar u tista’ tapprovaha, titlob modifiki, jew tirrifjutaha. Id-deċiżjonijiet kollha tal-applikazzjoni jittieħdu fil-pubbliku mill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità.
Permess ta’ kontroll tal-ippjanar ma jagħtix awtomatikament id-dritt lis-sid li jibda jiżviluppa l-art. Sid l-art irid, imbagħad, jissottometti applikazzjoni għall-iżvilupp, li terġa’ tiġi evalwata skont il-politiki u l-parametri tal-ippjanar eżistenti kif stabbilit fil-permess tal-kontroll tal-ippjanar.
Għalkemm applikazzjoni għall-kontroll tal-ippjanar tista’ tingħata għal sit partikolari, dan ma jfissirx li awtomatikament jingħata permess għall-iżvilupp fuq il-post.