Kull min sa Marzu tas-sena d-dieħla jagħlaq tmintax-il sena, jew ikollu sa mhux iktar minn disgħa u tletin sena, jista’ jingħaqad mal-Korp tal-Pulizija billi japplika għal sejħa li ħarġet il-Ġimgħa għal Kuntistabbli.
Dawk kollha interessati fil-ħidma tal-Korp, is-Sibt setgħu jattendu għal Open Day li saret f’Ta’ Kandja, fejn kien hemm uffiċjali minn kull taqsima, lesti biex jispjegaw u jiggwidaw lil dawk li attendew.
Fost is-sezzjonijiet preżenti u li qajmu interess fost il-pubbliku kien hemm dawk tal-Forensika, tas-Cyber Crime, tad-Drones, tar-Rapid Intervention Unit u tal-Ispecial Intervention Unit.
Kien hemm ukoll uffiċjali mit-Taqsima tal-Klieb u anki taż-żwiemel; b’dawn tal-aħħar taw l-opportunità anki liċ-ċkejknin imorru dawra fuqhom u jesperjenzaw il-ħidma mill-qrib tal-uffiċjali.
Dwar is-sejħa preżenti għal Kuntistabbli, spjegat iżjed fid-dettall l-Ispettur Valerie Mifsud, mit-taqsima tar-Riżorsi Umani.
Qalet, “Did-darba li għamilna daqsxejn differenti, l-età, it-tmintax-il sena trid tagħlaqha sa Marzu tas-sena d-dieħla għax inti tiġi ingaġġat bħala Pulizija wara li tgħaddi mit-training kollu fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati li jieħu madwar sitt xhur allura m’għandekx għalfejn ikollok tmintax-il sena issa. L-età massima hija dik ta’ 39 għax il-Korp għandu bżonn in-nies maturi wkoll mal-enerġija taż-żgħażagħ biex ikollna sinerġija sħiħa biex naqdu l-poplu bl-aħjar mod possibbli.”
It-temp ċlampu ta’ filgħodu, ma qatax qalb dawk imħajra fil-ħidma tal-Korp biex jattendu.
Iltqajna ma’ Gabriel Bezzina, żagħżugħ li jixtieq isir Pulizija.
Qal, “Jogħġobni ħafna Pulizija għax tkun qed tagħmel servizz lil Malta u l-iktar li jogħġobni hija tal-Crime Scenes. Jogħġobni għax tkun qed tinvestiga każ li huwa interessanti, tkun tħobb issolvi l-affarijiet u ġġib lil Malti iktar safe.”
Jidher li l-għan tal-attività, li min jattendi jifhem aktar dwar il-ħidma li ssir fil-Korp, intlaħaq.
Qal, “Titgħallem ħafna affarijiet ġodda. Eżempju jien ġejt, għidt diġà naf ħafna affarijiet, imma ma tkun taf xejn sakemm tiġi hawn.”
Dawk li attendew ingħataw l-opportunità li jagħmlu t-test fiżiku li jrid isir biex wieħed jgħaddi mill-eżami tal-Pulizija.
Wara l-hekk imsejjaħ 50 meter beep test, isir test ieħor li jippreżenta numru ta’ ostakli, u wieħed irid jegħlibhom f’żewġ minuti u nofs.
Instructor tal-Ispecial Intervention Unit spjegalna li dan it-test jibda minn ġo karozza, fejn il-persuna tkun maqfula biċ-ċinturin tas-sigurtà.
Qal, “Iridu jaħdmu, ineħħu s-seatbelt, jiftħu s-seatbelt u jsibu l-ewwel ostaklu. L-ewwel ostaklu huwa barrier. Iridu jaqbżuha, li hi għolja 80cm. Jekk iwaqqgħuha jridu jerġgħu jibdew mill-barrier, mhux mill-karozza.”
Wara, isegwu ostakli oħra b’tajers, barriers tal-Pulizija, ġiri ’l fuq u ’l isfel ta’ sular taraġ, u sfidi oħra f’xenarju differenti ta’ salvataġġ.
Qal, “Id-dummy jiżen 50kgs, hemm technique kif jistgħu iġorruh biex ma jweġġgħux, għandhom 10 metres ’il fuq, 10 metres ’isfel, total ta’ għoxrin metru, u minn hemm imorru crawling taħt l-injam u l-fence u jibqgħu sejrin ġo passaġġ u jdoqqu l-qanpiena u jieqaf il-ħin.”
Kull min attenda l-Open Day seta’ wkoll jipprova s-simulatur tal-SIU, u jiġi ggwidat kif jispara b’armi differenti, kif għamilna aħna wkoll.
Is-sejħa għal Kuntistabbli għandha miftuħa tliet ġimgħat.