“Malta tista’ tkun l-ewwel pajjiż fejn il-jablo kollu li jintuża fid-djar, mill-businesses, kif ukoll mis-sajjieda jiġi irriċċiklat fl-intier tiegħu”, qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt numru ta’ żjarat li għamel waqt li kien qiegħed jospita f’pajjiżna lid-Direttur Ġenerali tal-organizazzjoni EUMEPS, l-assoċċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-jablo.
F’laqgħat mal-Wasteserv, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u diversi kumpaniji u għaqdiet Maltin, Engerer laqqgħa lill-Jurgen Lang u lil Lea Salihovic biex iressqu lejn Malta investiment ġdid li jwassal biex pajjiżna jkun l-ewwel wieħed li jkollu ċirkolarita sħiħa fuq dan il-materjal.
“Għalkemm mhux xogħol politiku fil-Parlament Ewropew, kull meta nisma’ fi Brussell li xi ħadd jixtieq jinvesti f’pajjiżna, nagħmel minn kollox biex inlaqqa’ lil dak li jkun mal-awtoritajiet Maltin li jkunu jistgħu jiżguraw li dan l-investiment isir”, qal Engerer filwaqt li tkellem dwar kif investiment fl-Ambjent u wieħed li jħalli impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
Engerer hu l-uniku Membru tal-Parlament Ewropew Malti fil-Kumitat tal-Ambjent u s-saħħa u bħalissa impenjat bid-diversi liġijiet Ewropej li tressqu dwar ir-riċiklaġġ u l-politika Ewropea dwar l-iskart u r-riżorsi.
Minn naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali tal-EUMEPS Jurgen Lang qal li kien impressjont dwar kif f’Malta s-sistema tal-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart hi waħda avvanzata ħafna u qal li bħala assoċċjazzjoni lesti li jinvestu f’Malta b’proġett pilota li jwassal biex pajjiżna jkun l-ewwel li jkollu ekonomija 100% ċirkolari għall-jablo.