Iraqqin ta’ 32 sena ntbagħat sitt xhur ħabs wara li ammetta li hu ħati li ffalsifika passaport Awstraljan, għamel użu minn dokument falsifikat, u li kellu għandu dokument tal-immigrazzjoni ffalsifikat.
Quddiem il-maġistrat Victor Axiaq, l-Ispettur Hubert Gerada qal li Husam Hamad twaqqaf mill-uffiċjali tal-kontroll tal-passaporti fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta wara li għaddielhom suspett li l-passaport tiegħu kien imbagħbas. Huwa kien għadu kif wasal Malta fuq titjira mill-Greċja u kellu l-ħsieb li jaqbad titjira oħra lejn l-Irlanda.
L-ispettur iddeskriva l-iffalsifikar bħala wieħed ta’ kwalità għolja u li l-passaport falz kien swieh €15,000.
Hamad qal lill-Pulizija li kien xtara l-passaport mit-Turkija.