B’allokazzjoni ta’ €5 miljun mill-Awtorità tal-Ippjanar ġiet imnedija r-raba’ edizzjoni tal-iskema ‘Irrestawra Darek’.
Permezz ta’ din l-iskema, sidien ta’ proprjetajiet antiki għal darb’oħra se jingħataw iċ-ċans li jirrestawraw il-faċċata tal-proprjetà tagħhom.
Din l-iskema tħabbret mill-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Permezz ta’ din l-iskema, residenti li għandhom il-proprjetà tagħhom li taqa’ f’żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA) jew hija skedata bħala fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad, jistgħu jirrestawraw il-faċċata tal-proprjetà tagħhom u jirċievu rifużjoni sħiħa. Dan għal xogħlijiet li jsiru sa massimu ta’ €11,000 f’żoni UCA u sa massimu ta’ €16,000 għal residenzi skedati fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad.
Din ir-rifużjoni se tinkludi wkoll sa €800 għal ħlasijiet għal servizzi professjonali, fosthom spejjeż ta’ periti u €200 għall-ħlas ta’ permessi tal-Kunsilli Lokali.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Oliver Magro, qal li din l-iskema turi l-mod għaqli kif ikunu protetti l-qalba tal-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din l-iskema se tgħin lin-nies sabiex ikunu jistgħu jirrinnovaw u jsebbħu d-dar tagħhom.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-Perit Ray Farrugia.
Is-sottomissjonijiet għal din l-iskema se jibdew mit-30 ta’ Mejju u jagħlqu fit-30 ta’ Ġunju għar-residenzi f’żoni UCA, filwaqt li għal proprjetajiet skedati s-sottomissjonijiet se jintlaqgħu bejn it-Tlieta, 6 ta’ Ġunju u s-6 ta’ Lulju.