Tnediet sejħa għal persuni interessati biex japplikaw għal seba’ skemi ta’ boroż ta’ studju, b’investiment totali ta’ madwar ħames miljun ewro kofinanzjati mill-fondi Ewropej.
L-iskemi jitrattaw oqsma varji ta’ studju, bħal studji veterinarjii, l-arti u, l-isport.
Dan apparti skemi oħra bħal Endeavour II u TESS, li huma miftuħin għal studenti postuniversitarji; Live the Language, li tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi barranin, u Reach High II, immirata għal għotjiet għal wara d-dottorat.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wħud mill-istudenti li, fl-aħħar snin, ibbenefikaw minn skemi ta’ dan it-tip b’rabta mal-istudji taghħom.
Fost dawn kien hemm Matthew Farrugia, li ma’ dan l-istazzjon tkellem dwar kif l-iskema li bbenefika minnha għenitu fil-ħajja professjonali tiegħu.
“Tagħtik l-opportunità li tikber fuq livell personali, jiġifieri għandek aktar tagħlim, issir aktar kunfidenti, u tista’ tagħti aktar fuq il-post tax-xogħol, u tiftaħlek opportunitajiet ġodda wkoll. Jiena għaqqadt id-dinja li kont ġej minnha tal-Computing u l-Business, tejjibt l-irwol tiegħi fejn qed naħdem bħalissa fil-kumpanija, u anki lil hinn fis-soċjetà, kif tista’ tikkontribwixxi aktar minn dak li qed iġġib.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett innota li l-Fondi Ewropej qegħdin jgħinu biex dawk li għandhom it-talent jkunu jistgħu jagħmlu l-pass li jmiss fil-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Huwa ta ħarsa lejn il-frott li l-boroż ta’ studju ħallew fl-aħħar tmien snin.
“F’dawn l-aħħar tmien snin kellna elf u mitt student illi bbenefikaw minn din l-iskema, u minn programm minnhom biss, li wieħed u ħamsin fil-mija minnhom kienu nisa. Imbagħad kellek il-programm l-ieħor, ir-Reach High, ta’ wara d-dottorat, li kellna ħmistax-il persuna fix-xjenza, fl-IT, fid-diġitalizzazzjoni, li ġabu degrees li huma tant kruċjali u essenzjali biex pajjiżna jkompli jikber.”
L-għan ta’ dawn il-boroż ta’ studju huma li l-Gvern jgħin lill-istudenti jilħqu l-potenzjal fis-settur edukattiv. Dan isarraf ukoll biex, dak li jitgħallmu, dawn l-istudenti jerġgħu jinvestuh f’pajjiżna.
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazjzoni, Clifton Grima sostna li dan juri l-fiduċja li għandu l-Gvern fl-istudenti Maltin.
“Hija prova oħra li dan l-investiment, li jammonta għal ħames miljun ewro, ikompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar u jagħti opportunitajiet ġodda liż-żgħażagħ tagħna sabiex ikomplu jispeċjalizzaw f’setturi li, fl-aħħar tal-ġurnata, se jkunu qegħdin jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.
Il-persuni interessati huma mħeġġa jiksbu aktar informazzjon u japplikaw bejn l-24 ta’ Mejju u t-28 ta’ Ġunju minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.