Il-mexxejja tal-G7 qed jiltaqgħu għal-laqgħa annwali f’Hiroshima fil-Ġappun.
L-Ukrajna tinsab fil-quċċata tal-lista tal-aġenda, hekk kif l-Istati Uniti mistennija jħabbru aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja, u r-Renju Unit se jipprojbixxi d-djamanti Russi.
Rapporti qed jgħidu li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, se jattendi dan is-summit.
Fl-ewwel żviluppi minn dan is-Summit, il-mexxejja ħarġu stqarrija fejn qalu li r-Russja għandha tirtira t-truppi tagħha u l-armi militari, mit-territorju kollu tal-Ukrajna, b’mod immedjat, komplut u bla ebda kundizzjonijiet.
Il-mexxejja qalu li l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna mhux se jieqaf, u l-pajjiżi se jaħdmu flimkien kontra l-gwerra illegali u inġustifikabbli fuq l-Ukrajna.
Intant, waqt dan is-summit mistennija jiġu diskussi wkoll it-tensjonijiet fiċ-Ċina, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà fl-ikel, u s-saħħa.
Il-G7 jinkludi pajjiżi b’fost l-akbar ekonomiji fid-dinja, li huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Ġappun.