Is-sena li għaddiet l-għadd tal-istudenti barranin li ġew jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna żdied bi kważi disa’ u għoxrin elf meta mqabbel mal-2021.
Dan ħareġ mill-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wera li s-sena l-oħra ġew kważi sebgħa u ħamsin elf student barrani jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna.
Dan ifisser li, fis-sena ta’ rkupru fis-settur turistiku wara d-daqqa tal-pandemija, in-numru ta’ studenti rdoppja meta mqabbel ma’ sena qabel.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ li l-maġġoranza ta’ dawn l-istudenti kienu ġejjin minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea. Infatti, l-aktar li ġew studenti jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna kienu Taljani, Franċiżi, u Ġermaniżi.
Skont l-NSO, is-sena l-oħra, kważi kwart ta’ dawk li ġew jistudjaw l-Ingliż kellhom taħt il-15-il sena filwaqt li s-sena l-oħra f’pajjiżna ġew aktar minn erbat elef u sitt mitt (4,600) student li għandhom ’il fuq minn 50 sena.
Ħareġ li l-aktar xhur bieżla għall-iskejjel tal-Ingliż is-sena li għaddiet, kienu Lulju, Awwissu, u Ottubru.
L-NSO qal ukoll li s-sena l-oħra kien hemm 618-il edukatur f’dawn l-iskejjel tal-Ingliż.