L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, irċeviet seba’ applikazzjonijiet għal liċenzja li tippermetti l-kultivazzjoni u l-bejgħ tal-kannabis għall-użu rikreattiv, skont kif tippermetti l-liġi f’pajjiżna.
Hemm ħdax oħra li rriservaw isimhom, u oħrajn li jinsabu f’kuntatt mal-Awtorità biex japplikaw.
Dan intqal f’laqgħa mal-midja mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi, Rebecca Buttigieg, id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, Leonid McKay, u esperti u tekniċi, li spjegaw il-ħidma li saret fl-aħħar xhur.
Leonid McKay spjega li l-applikazzjonijiet li daħlu jridu jgħaddu minn proċess ta’ għarbiel, u l-maġġoranza tal-applikanti huma rġiel ta’ bejn il-ħamsa u tletin sena, u l-ħamsa u erbgħin sena.
Qal, “Jista’ jkollok applikazzjonijiet ġejjin minn assoċjazzjonijiet żgħar jew assoċjazzjonijiet li huma ikbar fin-numru ta’ membri, kif ukoll assoċjazzjonijiet ġejjin minn kull naħa ta’ Malta u allura l-Awtorità se tkompli taħdem biex tara assoċjazzjonijiet oħra li qegħdin f’kuntatt regolari biex ukoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.”
L-Awtorità kompliet tikkonsulta biex tkompla taġġorna l-prattiċi u twettaq bidliet fejn meħtieġ, biex l-operat isir paripassu mal-prinċipji ewlenin tal-qafas legali li jirregola lill-assoċjazzjonijiet.
Fost l-oħrajn, se ssir bidla fejn jidħol l-iskart biex tkun iffaċilitata l-flessibilità fl-operat u anki għall-benefiċċji ambjentali.
Se ssir bidla oħra fl-istandards relatati mat-trasport, hekk kif se tkun l-Awtorità li toħroġ l-awtorizzazzjoni lill-assoċjazzjonijiet biex jieħdu r-responsabbiltà tat-trasport mill-punt tat-tluq sal-wasla.
Id-Direttur tal-Awtorità saħaq li dan kollu jixhed it-trasparenza u l-flessibilità tal-istess awtorità.
Qal, “Fejn naraw li għandek ċerti standards li forsi setgħu ngħataw xi direzzjoni differenti, bħat-trasport bejn siti differenti tal-assoċjazzjonijiet, bħalma huwa l-użu tal-waste li jinqaleb f’kompost anki minħabba miżuri ambjentali, is-security risk assessment li l-Awtorità tkun qed tgħin lill-assoċjazzjonijiet jagħmlu dan l-assessjar, li wkoll it-testing tal-prodott – minkejja li mhu se nibdlu xejn fil-kundizzjonijiet, fil-kwalità qed naraw li l-Awtorità tgħin lill-assoċjazzjonijiet jagħmlu testing rigoruż ħafna.”
Il-ġurnalisti ġew infurmati li, minn żmien għal żmien, se jissejħu biex jingħataw aktar aġġornamenti dwar il-ħidma ta’ din l-Awtorità.